Logo
Logo
  • MT
  • English

Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD)

Ħarsa ġenerali

Familji fil-bżonn, b’mod partikolari dawk li jinkludu tfal u anzjani, se jkunu megħjuna permezz ta’ distribuzzjoni perjodika ta’ pakketti ta’ ikel. Se ssir enfasi fuq it-titjib tal-livelli tal-għajxien tan-nies li jgħixu f’dawn il-familji u biex jittaffa r-riskju tagħhom ta’ faqar.

Il-familji mhux sempliċement se jingħataw ikel b’xejn iżda wkoll l-appoġġ soċjali meħtieġ.

Il-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn jew kif inhu magħruf aktar bħala l-FEAD, huwa ko-finanzjat mill-programm tal-Unjoni Ewropea.

X’se tingħata

Permezz ta’ dan il-fond, minbarra li joffri għajnuna materjali lil familji li huma l-aktar fil-bżonn jew vulnerabbli, FEAD jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Permezz ta’ din l-iskema, prodotti tal-ikel tajbin għas-saħħa se jitqassmu lil dawk li huma eliġibbli blgħan li jgħinu persuna biex iżżomm dieta bilanċjata u varjata.

Dawk il-persuni li huma eliġibbli taħt waħda mill-kategoriji ġenerali ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà msemmija hawn taħt, se jirċievu l-istess valur ta’ prodotti tal-ikel. Barra minn hekk, dawk li huma eliġibbli taħt il-kategorija 2 iżda għandhom 3 itfal jew aktar taħt is-16-il sena għandhom jirċievu pakkett ta’ ikel addizzjonali.

Il-pakketti tal-ikel imqassma fid-djar taħt il-Programm FEAD jikkonsistu mill-oġġetti li ġejjin: Ċereali (qamħ sħiħ), Corn Flakes, Għaġin, Ross, Ħaxix (fil-bottijiet), Polpa tat-Tadam (fil-bottijiet), Frott (fil-bottijiet), Tonn taż-Żejt, Zalzett (fil-bottijiet), Fażola (fil-bottijiet), Kuskus, Legumi, kif ukoll Te u Kafè.

Dan il-pakkett tal-ikel jitqassam 3 darbiet fis-sena.

Eliġibbiltà

Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:

  1. Familji li jirċievu benefiċċji mhux kontributorji u jgħaddu mit-Test tal-Meżżi u li għandhom 2 itfal jew iktar taħt l-età ta’ sittax-il (16) sena
  2. Familji li għandhom 2 itfal jew iktar taħt l-età ta’ sittax-il (16) sena u li għandhom dħul ta’ inqas minn 80% tal-Paga Minima Nazzjonali
  3. Familji li għandhom 2 itfal jew iktar taħt l-età ta’ sittax-il (16) sena u li għandhom dħul li ma jaqbiżx il-Paga Minima Nazzjonali
  4. Familji (u mhux persuni waħedhom) li jirċievu Pensjoni tal-età mhux kontributorj

Kif tapplika

Il-persuna eliġibbli m’għandhiex għalfejn tissottometti applikazzjoni biex tibbenefika minn dan il-fond.

Il-pakketti tal-ikel jitqassmu minn 16-il ċentru mifruxa madwar Malta u Għawdex biex kemm jista’ jkun jiffaċilitaw il-ġbir tal-ikel ma’ dawk li huma eliġibbli.

Dawk kollha li ser jibbenefikaw minn dan il-programm ser jirċievu bil-quddiem ittra li tinfurmahom li huma eliġibbli kif ukoll jiġi indikat lilhom iċ-ċentru, id-dati u l-ħinijiet minn fejn jistgħu jiġbru l-pakkett/i tal-ikel tagħhom.

Dettalji ta’ kuntatt

Għal tagħrif dwar jekk intiex eliġibbli għall-Programm FEAD u fuq il-Programm b’mod ġenerali, nħeġġuk tikkuntattja lill-Project Leader – Programm FEAD fuq 25903373 jew billi tibgħat ittra elettronika fuq fead.family@gov.mt.

Għal xi assistenza oħra waqt it-tqassim tal-kaxxi tal-ikel miċ-ċentri ta’ distribuzzjoni, tista’ ċċempel fuq 22588929 jew 79013090.