Press Release by the Ministry for Social Policy and Children’s Rights: New social agreement with Dar Hosea (maltese version only)
Reference Number: PR230343
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal kompla jsaħħaħ ir-relazzjoni tiegħu ma’ diversi għaqdiet mhux governattivi li jassistu nies vulnerabbli fil-komunità. Din id-darba l-ministeru se jkun qed jidħol fi ftehim soċjali ġdid ma’ Dar Hosea, residenza li tilqa’ u tgħin nisa vulnerabbli.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet. Ġie spjegat li dan il-ftehim jammonta għal €74,880 fuq perjodu ta’ tliet snin, u li permezz tiegħu se jingħata servizz addizzjonali ta’ social worker full time, filwaqt li se tingħata aktar minn 2,000 siegħa ta’ xogħol soċjali lil persuni li jkollhom bżonn din l-għajnuna.
Fl-aħħar xhur, ir-residenza Dar Hosea rat aktar minn 100 persuna vittma tal-prostituzzjoni u x-xibka ta’ problemi oħra li jkunu involuti fihom dawn il-persuni, fosthom vizzji bħat-teħid tad-droga u logħob.
Ġie spjegat ukoll li tim ta’ professjonisti u voluntiera jagħtu appoġġ, ambjent sigur u tama lil dawn in-nisa, li saħansitra ġieli jkunu akkumpanjati minn minuri, meta jitolbu għall-assistenza.
“Ftehimiet bħal dawn jikkonfermaw l-impenn u l-ħidma tal-gvern fil-qasam soċjali. Dan bl-għan illi ma nħallu l-ħadd jaqa’ lura, u għalhekk il-bżonn li nkomplu ninvestu f’soċjetà li tifhem, tgħin u tagħder lil kulħadd. Kull wieħed u waħda minnha jista’ jħalli impatt pożittiv fuq dak l-individwu jew familja li għaddejja minn żminijiet diffiċli u għandna nagħmlu dan billi ma niġġudikawx lill-vittmi u dak li għaddejjin minnu,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.