Site Logo
Site Logo
  • MT
  • English

Press Release by the Ministry for Social Policy and Children’s Rights: People dependent on cocaine are those mainly looking for help (maltese version only)

17.02.2023 | Press Releases

Reference Number: PR230260

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon ippreżenta r-rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tad-droga f’pajjiżna matul is-sena 2021.

Ġie spjegat li minn dan ir-rapport joħorġu diversi punti fosthom li inqas persuni tressqu l-Qorti b’rabta ma’ pussess u traffikar ta’ droga matul is-sena inkwistjoni u dan jista’ jkun attribwit għal numru ta’ restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija li kellna f’dan il-perjodu u anke għall-fatt li persuni li nqabdu b’pussess f’ammonti żgħar ma baqgħux jittellgħu l-Qorti wara r-riforma tal-liġi tad-droga tas-sena 2015.

Il-Ministru Falzon spjega wkoll li fl-istess perjodu ta’ żmien baqgħu jiżdiedu dawk il-persuni li qed jagħżlu li jfittxu l-għajnuna f’xi klinika jew ma’ xi aġenzija. Fost dawk li qed ifittxu assistenza, hemm l-aktar dawk li għandhom il-vizzju tal-kokaina, tal-ħaxixa u l-eroina. Kull sena, il-kokaina qed tibqa’ tirriżulta bħala l-iktar droga li qed toħloq dipendenza, u dan jista’ jkun attribwit għal żieda fil-purità ta’ din id-droga.

Mir-rapport ħareġ ukoll li l-użu ta’ drogi sintetiċi qed jirriżultaw l-aktar fil-każijiet t’emerġenza li qed jaraw l-isptarijiet tagħna, filwaqt li inqas persuni qed jieħdu l-kura għall-eroina. Semma wkoll li għaddej il-proġett pilota sabiex tingħata l-mediċina buprenorphine, li jirriżulta li għandha effetti aktar pożittivi mill-methadone.

Il-ministru temm jgħid li s-servizzi ta’ prevenzjoni komplew jissaħħu, u r-rapport innota wkoll il-kampanji t’għarfien fost l-adoloxxenti, iż-żgħażagħ u anke l-investiment qawwi fuq il-mezzi tal-midja soċjali.