Site Logo
Site Logo
  • MT
  • English

Press Release by the Ministry for Social Policy and Children’s Rights: Social Project that gathers residents from Valletta (maltese version only)

18.01.2023 | Press Releases

Reference Number: PR230080

F’residenza fi Triq San Ġwann fil-Belt Valletta, qed jitħaddem il-proġett Ħiliet il-Komunità, li huwa parzjalment iffinanzjat minn Fondi Strutturali Ewropej u li qed jitmexxa mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS). 

Din id-dar tiftaħ kuljum mit-Tnejn sas-Sibt u tilqa’ residenti ta’ kull età; tfal, adulti u anzjani, fejn jissoċjalizzaw, jintegraw, jaqsmu l-ħiliet u jitgħallmu minn xulxin. 

Il-proġett Ħiliet il-Komunità ġie inawgurat fl-Lulju 2021 bħala parti mid-dimensjoni soċjali ta’ riġenerazzjoni tal-Belt Valletta. Ħiliet il-Komunità jiffoka fuq dak kollu li jsawwar il-komunità Beltija u fl-istess waqt jindirizza sfidi li għandhom x’jaqsmu ma’ xogħol u edukazzjoni, stabbiltà finanzjarja, stabbiltà fid-dar u trobbija. Dan il-proġett issa qed jitħaddem fil-potenzjal kollu tiegħu f’din ir-residenza fil-Belt li qed titmexxa mill-professjonisti tal-FSWS. 

Ir-residenza tbierket nhar l-Erbgħa filgħodu waqt żjara mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti. 

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-gvern jemmen fil-parteċipazzjoni u fl-inklużjoni ta’ kulħadd, minn tfal sa kbar. 

“It-tagħlim huwa wieħed mill-ftit affarijiet tal-ħajja li ma jista’ jiħodulek ħadd u għaldaqstant irridu nkomplu nagħtu l-almu tagħna sabiex nippromwovu kultura ta’ tagħlim u ta’ edukazzjoni mhux biss akkademika iżda anke li tinvolvi ħiliet bħall-arti u bħall-ħjata. Aktar minn hekk, proġetti bħal dawn jgħinu sabiex nevitaw problemi marbuta mas-solitudni u mas-saħħa mentali”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.​