Site Logo
Site Logo
  • MT
  • English

Press Release by the Ministry for Social Policy and Children’s Rights and the Parliament Secretary for European Funds: A Project that will continue to give voice to the children (maltese version only)

11.01.2023 | Press Releases

Reference Number: PR230028

Proġett li ssottometiet Malta intgħażel bħala wieħed  minn għaxar proġetti fost total ta’ 138 proġett sottomessi minn numru ta’ stati membri Ewropej. B’hekk Malta kisbet għotja li tlaħħaq il-€155,000 u li permezz tagħha, se jiġu faċilitati diversi strutturi fejn it-tfal ikunu jistgħu jipparteċipaw, isemmgħu l-vuċi tagħhom, u jiddeċiedu f’isimhom dwar sitwazzjonijiet illi jaffetwaw lilhom b’mod personali. Eventwalment dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu inklużi fil-politika nazzjonali tal-pajjiż, speċjalment f’politiki li jolqtu lit-tfal, bħall-ambjent, l-edukazzjoni u s-saħħa. 

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett fejn matulha ngħatat preżentazzjoni dettaljata ta’ dan il-proġett li se jkompli jagħti aktar spazju u vuċi lil kull tifel u tifla. “Dan il-gvern jemmen bis-sħiħ f’aktar empowerment lit-tfal tagħna, sa minn etajiet żgħar. Irridu ntuhom is-saħħa neċessarja sabiex ikunu assertivi u kapaci jiddeċiedu anke f’sitwazzjonijiet delikati. Il-proġett għandu iservi sabiex jikkumplimenta mal-ħidma li għamilna sabiex insaħħu l-vuċi tat-tfal, u npoġġuhom fiċ-ċentru ta’ dak kollu li jaffetwahom”, stqarr il-Ministru Michael Falzon. Fil-fatt dan il-proġett huwa punt ewlieni mit-temi soċjali li dwarhom tħejjiet il-Viżjoni Soċjali 2035, u li tesiġi sabiex inħallu wirt u ambjent pożittiv lit-tfal tagħna, fejn ikollhom iċ-ċans jimirħu u jesploraw opportunitajiet ġodda. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li bl-għajnuna ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, dan huwa l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu li nkisbu fondi għalih taħt il-programm, “Ċittadini, Ugwaljanza, Drittijiet u Valuri”. Chris Bonett qal li dan il-proġett jagħti l-għodda lit-tfal biex isemmgħu leħinhom fid-demokrazija ta’ pajjiżna u fit-teħid tad-deċiżjonijiet f’dawk l-oqsma li jolqtu lilhom. Qal ukoll li bħalissa qegħdin fi żmien fejn l-opportunitajiet li ngawdu mill-fondi Ewropej se jiżdiedu mhux jonqsu, hekk fil-jiem li ġejjien se nkunu qegħdin iniedu l-Programmi Operattivi marbuta mal-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej biex ninvestu l-fondi fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi.​