Press Release by the Ministry for Social Policy and Children’s Right: 95,000 pensioners will be enjoying an increase of €50 every four weeks (maltese version only)
Reference Number: PR230012
Madwar 95,000 pensjonant bdew igawdu minn rati mtejba fil-pensjonijiet tagħhom, hekk kif matul din il-ġimgħa ntbagħtu l-pagamenti bir-rati l-ġodda. Fil-fatt, il-pagamenti tal-pensjonijiet huma fost diversi benefiċċji soċjali oħra li lkoll qed jingħataw b’żidiet, hekk kif kien imħabbar fil-Baġit għal din is-sena.
Matul dan ix-xahar bdiet titħallas iż-żieda ta’ €12.50 fil-ġimgħa lill-erba’ kategoriji ta’ pensjonanti tas-sigurtà soċjali. Iż-żieda hija ta’ €2.60 fir-rata tal-pensjoni u €9.90 għall-għoli tal-ħajja. Il-benefiċjarji huma l-pensjonanti tal-irtirar, tar-romol, tal-invalidità u tal-età.
Huwa stmat li b’kollox dawn iż-żiedet jammontaw għal nefqa annwali ta’ madwar €111 miljun. Din twassal biex in-nefqa globali fuq il-pensjonijiet u l-bonus li jitħallas lill-pensjonanti matul is-sena titla’ għal biljun u tmienja u sebgħin miljun ewro. Din se tkun is-sitt żieda addizzjonali konsekuttiva mill-2018 ‘l hawn. Dan minbarra żidiet sostanzjali li kienu ngħataw fl-2016 u fl-2017 lil pensjonanti fuq il-pensjoni minima.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn sostna li dan il-gvern iwettaq kull wegħda li jwiegħed fil-ħin, sabiex joffri ċertezza, serħan il-moħħ u stabbiltà.
Pensjonanti tal-Età (mhux kontributorja)
Il-ġimgħa li għaddiet, il-pensjonanti tal-età rċevew l-ewwel pagament biż-żieda fil-pensjoni tagħhom.
- Dawn huma persuni li fl-età ta’ 60 sena jew ikbar ma jkollhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali biex jieħdu pensjoni kontributorja.
- Jissodisfaw ukoll test tal-mezzi (dħul u kapital).
- L-għadd ta’ dawn il-benefiċjarji f’dawn l-aħħar snin naqas u issa huwa ta’ madwar 4,200.
- In-nuqqas fin-numru ta’ benefiċjarji huwa attribwit għall-Making Work Pay li ntroduċa l-gvern matul l-aħħar snin, fejn il-benefiċjarji tal-għajnuniet soċjali naqsu b’aktar min-nofs minħabba li bdew jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol. Dan wassal biex illum il-ġurnata aktar nies qegħdin jiġu eliġibbli għall-pensjoni kontributorja.
Pensjonanti tal-Irtirar
Il-pensjonanti tal-irtirar se jibdew jitħallsu ż-żieda fil-pensjoni tagħhom minn għada s-Sibt 7 ta’ Jannar 2023.
- Fost il-pensjonanti tas-sigurtà soċjali dan huwa l-akbar grupp – madwar 74,000.
- L-għadd tagħhom qed jikber kull sena b’medja netta ta’ madwar 2,000 ruħ.
- It-tkabbir huwa dovut l-aktar għaż-żieda fl-għadd ta’ pensjonanti li jirċievu l-pensjoni taż-żewġ terzi – kważi 8 minn 10 pensjonanti tal-irtirar jieħdu din il-pensjoni.
- Miżura oħra li qed tiddaħħal hija li l-ammont ekwivalenti tal-pensjoni massima, inklużi l-bonuses, li ma tkunx taxxabbli fl-2023 qed titla’ għal €14,968 (€3,000 oħra mhux taxxabbli għal min hu bil-komputazzjoni ta’ miżżewweġ)
Titjib fil-Pensjoni tar-Romol
Persuni li jirċievu l-pensjoni tar-romol, fl-14 ta’ Jannar se jibdew jirċievu r-rati ġodda fil-pensjoni tagħhom.
- B’kollox madwar 19,000 persuna jirċievu xi waħda mill-pensjonijiet tar-romol.
- Permezz ta’ miżura li daħlet fis-seħħ mill-2022, il-maġġoranza tal-persuni li jirċievu l-pensjoni tar-romol ser igawdu minn żidiet addizzjonali.
- Dan se jkun immirat għal dawk li sa issa ma jiħdux il-pensjoni sħiħa li kienu jirċievu l-konjuġi tagħhom qabel mewthom, iżda 5/6 tar-rata.
- Fuq medda ta’ snin il-pensjoni tagħhom qed tiġi aġġustata biex finalment jibdew jitħallsu l-pensjoni sħiħa li kellhom dritt għaliha l-konjuġi li jkunu ġew nieqsa.
- Hu stmat li madwar 9,000 persuna, barra ż-żieda fil-pensjoni, ser jitħallsu sa madwar €3.54 oħra żieda fil-ġimgħa, b’nefqa ta’ madwar €1.6 miljun.
Pensjonanti tal-Invalidità u fuq il-Pensjoni Minima
Mis-Sibt 21 ta’ Jannar tibda titħallas iż-żieda ta’ €12.50 fil-ġimgħa lill-pensjonanti tal-invalidità u lill-pensjonanti fuq il-pensjoni minima.
- In-numru ta’ pensjonanti tal-invalidità niżel matul l-aħħar snin u issa jammontaw għal madwar 2,500 persuna.
- Dawk li huma fuq il-pensjoni minima, inklużi dawk fuq il-Livell ta’ Pensjoni Minimu Garantit, jammontaw għal madwar 10,700 persuna.
Ikompli t-titjib gradwali fil-Bonus għall-Għoli tal-Ħajja
- Dan il-bonus beda jitħallas fl-2008 billi ż-żieda annwali għall-għoli tal-ħajja tinqasam f’żewġ partijiet
- Żewġ terzi jiżdiedu mar-rata tal-pensjoni u
- It-terz l-ieħor jitħallas bħala bonus mal-pensjoni.
- Maż-żmien inħoloq żbilanċ bejn pensjonanti li jkunu rtiraw wara l-2008 u dawk li rtiraw fl-2008 jew qabel.
- Biex jitneħħa dan l-iżbilanċ qed jitħaddem mekkaniżmu li b’mod gradwali jgħolli r-rati ta’ dan il-bonus għal dawk li rtiraw wara l-2008 sakemm ir-rati kollha jilħqu l-istess livell għal kulħadd.
- Iż-żidiet huma varjabbli u jilħqu sa massimu ta’ €1.50 fil-ġimgħa.
- Dan minbarra ż-żieda sa massimu ta €2.50 fil-ġimgħa matul is-sena 2022.
- Matul is-sena mistennija jibbenefikaw 56,000 pensjonant b’nefqa ta’ madwar €2 miljun.
“Il-pensjonanti kollha jafu fejn qegħdin magħna għaliex dejjem konna hemm għalihom, bil-għan aħħari jkun dak li ntejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kull pensjonant. Ma saħħaħniex biss il-pensjonijiet, iżda ma tfajna l-ebda piż addizzjonali u lanqas żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija li jġorru magħhom konsegwenzi ferm negattivi fuq il-pensjonanti tagħna”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.