Site Logo
Site Logo
  • MT
  • English

Press Release by the Ministry for Social Policy and Children’s Rights: Commemoration of the International Children’s Day (maltese version only)

20.11.2022 | Press Releases

Reference Number: PR221602

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tat-Tfal, il-Ministru Michael Falzon u l-Kummissarju tat-Tfal Antoinette Vassallo żaru l-Iskola Primarja tal-Għargħur fejn kellhom ċans jisimgħu lit-tfal u jifhmu l-bżonnijiet u l-bidliet li jixtiequ jaraw. Matul iż-żjara tqassmu riżorsi li joħolqu aktar għarfien dwar id-drittijiet tat-tfal, l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà għal edukazzjoni xierqa.​

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-gvern irid jara lil kull tifel u tifla jilħqu l-potenzjal tagħhom, u rrefera għall-garanzija tat-tfal sabiex ħadd ma jaqa’ lura. Tkellem ukoll dwar ix-xogħol li qed isir biex jgħin tfal li jkunu taħt ordni ta’ ħarsien għax ma jkunux jistgħu jgħixu iktar mal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom.

“Introduċejna għall-ewwel darba l-kunċett ta’ djar għall-aħwa sabiex jibqgħu jitrabbew flimkien. Bħalissa hemm tliet postijiet li fihom qed jitrabbew aħwa f’kura alternattiva, u fi ftit ġimgħat oħra se jkun hemm ir-raba’ dar li tilqa’ fiha sa massimu ta’ tliet aħwa”, spjega l-Ministru Michael Falzon.

Intant, kien hemm żieda sostanzjali fl-investiment mill-gvern fi ftehimiet soċjali, li jammontaw għal €12-il miljun fis-sena. Dawn jissarrfu f’għajnuna diretta lill-NGOs u lid-djar għat-tfal tal-Knisja. Din l-għajnuna finanzjarja fissret li dawn l-NGOs setgħu jagħmlu iktar investiment sabiex id-djar tat-tfal ikunu wkoll aktar moderni u joffru l-ambjent ta’ dar.