Press Release by the Ministry for Social Policy and Children’s Rights: Budget aimed for those that can afford it the least (maltese version only)
Reference Number: PR221544
“Minn Jannar illi ġej ser inkomplu nkunu hemm għal dawk l-aktar fil-bżonn t’għajnuna soċjali u finanzjarja. Dan il-Gvern minn dejjem emmen f’ekonomija b’saħħitha li minnha jgawdi kulħadd, u nirrikonoxxu li hemm każijiet li jeħtieġu għajnuna iktar minn oħrajn.” Stqarr dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn matulha elenka numru ta’ miżuri li jolqtu faxex ta’ nies u familji vulnerabbli.
Ngħinu lill-familji vulnerabbli aktar minn qatt qabel
Il-Ministru spjega li minn din is-sena persuni li jgħixu fuq l-assistenzi soċjali bdew jirċievu għall-ewwel darba ż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja. Għaldaqstant, is-sena d-dieħla dawn il-persuni mill-ġdid se jirċievu ż-żieda għall-għoli tal-ħajja sħiħa u għalhekk dawn l-għajnuniet se jiżdiedu wkoll b’€9.90 fil-ġimgħa. Dan minbarra l-mekkaniżmu tal-vulnerabbli li se jibbenefikaw minnu wkoll.
Inkomplu nnaqqsu d-dipendenza soċjali
“Fl-aħħar snin aktar minn 9,000 persuna li kienu jgħixu fuq l-assistenzi soċjali bbenefikaw mill-inċentivi li daħħalna sabiex jinfatmu mid-dipendenza soċjali u llum il-ġurnata qed jaqilgħu l-għajxien tagħhom mix-xogħol. Waħda minn dawn l-inċentivi kienet it-tapering tal-benefiċċji li biha min ikun qed jieħu l-assistenza soċjali ma tieqaflux f’daqqa meta jibda jaħdem imma tonqoslu gradwalment fuq 3 snin,” spjega l-Ministru Falzon.
Huwa kompla jispjega li s-sena li ġejja se jkomplu jtejbu dan l-inċentiv billi persuna tibqa’ tirċievi 10% aktar tal-benefiċċju fit-3 snin imsemmija. B’hekk fl-ewwel sena tax-xogħol tibqa’ tirċievi 75% tal-benefiċċju, fit-tieni sena 55% u fit-tielet sena 35%. Dan japplika wkoll għat-tapering li jitħallas lill-persuni li jkunu qed jirċievu l-għajnuna soċjali u jiżżewġu, jidħlu f’unjoni ċivili jew jidħlu f’koabitazzjoni reġistrata ma’ persuni li jkunu f’impjieg.
Ġustizzja ma’ benefiċjarji soċjali meta jieħdu ħsieb qarib anzjan
Ġie spjegat li mill-1 ta’ Jannar li ġej se jiddaħħal tibdil f’dak li jirrigwarda benefiċjarji soċjali li jieħdu ħsieb qarib anzjan. Permezz ta’ dan it-tibdil, dawn il-persuni xorta jibqgħu jirċievu l-istess ammont ta’ benefiċċju li kienu jirċievu qabel u b’hekk se titneħħa l-anomalija li kien hemm.
Krediti tal-bolol għal dawk fuq l-Allowances tal-Carers
Persuni li jikkwalifikaw għall-Allowance tal-Carers miżjuda jew għall-Allowance tal-Carers mhux miżjuda se jikkwalifikaw għal krediti ta’ 15-il bolla fis-sena, biex b’hekk aktar persuni li jkunu qed jagħmlu s-sagrifiċċju li jitilqu mid-dinja tax-xogħol biex jieħdu ħsieb anzjan qarib tagħhom jibdew jibbenefikaw minn dawn il-krediti.
Rikonoxximent tad-dritt għall-Allowances tal-Carers ta’ persuni jgħixu flimkien
Wara li fl-aħħar snin kien tneħħa l-means-test u kien ingħata d-dritt għall-Allowances tal-Carers għal persuni miżżewġa jekk ikunu qed jieħdu ħsieb il-konjugi tagħhom, dan id-dritt kien estiż ukoll għal min ikun f’unjoni ċivili jew f’koabitazzjoni reġistrata.
“Minħabba li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn persuni li jkunu qed jgħixu flimkien ikollhom restrizzjonijiet legali biex jirreġistraw il-koabitazzjoni tagħhom, se nkunu qed indaħħlu tibdil sabiex persuni li jkun ippruvat li ilhom jgħixu flimkien bħala koppja għal mill-anqas 10 snin, ikunu meqjusa bħala li jgħixu f’koabitazzjoni reġistrata u għalhekk jistgħu jibdew jikkwalifikaw għall-Allowances tal-Carers,” qal il-Ministru Falzon.
Krediti ta’ bolol lill-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali
Il-Ministru Falzon sostna li l-Gvern huwa konxju tal-problemi li jiffaċċjaw persuni bi problemi mentali, aktar u aktar meta dawn jitfaċċaw minn età żgħira u qabel dak li jkun ikun daħal fid-dinja tax-xogħol. Għaldaqstant, mis-sena li ġejja, se jibdew jingħataw sentejn krediti ta’ bolol lil kull min ma’ jkunx ħadem għal xi perjodu bejn l-età ta’ 18-il sena u l-età ta’ 30 sena u jkun iċċertifikat illi matul dak il-perjodu ikun irċieva kura regolari minn psikjatra li jkun jew li kien konsulent impjegat mal-Gvern.
Dritt għall-benefiċċji short-term lill-ħaddiema li jirċievu pensjoni tar-romol
Mis-sena li ġejja, ħaddiema li jkunu qed jirċievu pensjoni tar-romol, se jkunu jistgħu jiġu intitolati għall-benefiċċji kontributorji tal-qgħad, mard jew korriment fuq ix-xogħol, jekk jiġu bżonnhom u skont il-ħlas tal-bolla.
Dritt għall-Għajnuna Medika bi ħlas lil benefiċjarji tal-benefiċċji tal-mard u tal-qgħad
Mis-sena li ġejja, persuni li ma jkunux f’impjieg u li jkunu qed jirċievu l-benefiċċju kontributorju tal-qgħad jew tal-mard jistgħu jibbenefikaw ukoll għall-Għajnuna Medika bi ħlas.
“Dawn il-miżuri kollha huma parti minn katina sabiex tkompli tagħti mbuttatura meħtieġa lil persuni illi diġà jkunu qed jiffaċċjaw diffikultajiet oħra, u li fuq kollox hija politika ta’ ċertezza u stabbiltà,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.