Site Logo
Site Logo
  • MT
  • English

Press Release by the Ministry for Social Policy and Children’s Rights: Addictions in the context of a pandemic and international instability (maltese version only)

04.10.2022 | Press Releases

Reference Number: PR221301

Ingħata bidu għall-kungress internazzjonali tal-ISAM (Soċjetà għall-Mediċina marbuta mal-Vizzji), u li għalih hawn ‘il fuq minn 300 professjonist barrani. Il-kungress se jkun mifrux fuq tlett ijiem, u se jkun qed jindirizza l-vizzji f’kuntest ta’ pandemija, b’diskussjonijiet li joħolqu aktar għarfien dwar kif persuna tista’ turi aktar reżiljenza f’sitwazzjonijiet delikati bħal dik tal-pandemija.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon fetaħ dan il-kungress, li qed jittella’ b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) u l-Università l-Antika fil-Belt Valletta.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Falzon tkellem dwar l-importanza li nifhmu illi wara kull vizzju hemm persuna u l-familjari tagħha, u għalhekk għandna nempatizzaw, nittolleraw, u ngħinu lil kull min sfortunatament jispiċċa maqbud f’din ix-xibka. Huwa esprima t-tħassib tiegħu għal sitwazzjonijiet fejn is-soċjetà jaf tagħti inqas każ ta’ dawn il-persuni, speċjalment f’kuntest ta’ pandemija u instabbiltà internazzjonali, li laqtu lil  kull wieħed u waħda minna.

“Irridu nilqgħu għal xenarji li ma jkunux mistennija, permezz ta’ pjanar u taħriġ effettiv lill-professjonisti tagħna. Ma nistgħux nirreaġixxu biss, u għandna noffru politika proattiva li tilqa’ għal sfidi relatati mal-vizzji kif ukoll oħrajn li jistgħu jwasslu għal aktar detriment fuq dik il-persuna. Fl-aħħar snin rajna jaħdmu programmi ta’ riabilitazzjoni li biddlu d-direzzjoni tal-ħajja ta’ dik il-persuna, u dan jagħtina aktar kuraġġ sabiex nifirxu l-operat tagħna u nindirizzaw sitwazzjonijiet sensittivi”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Tul l-introduzzjoni ta’ dan il-kungress ġew diskussi metodi dwar kif ċertu modules jistgħu jkunu mgħallma f’fażijiet bikrija fl-edukazzjoni sabiex jinħoloq aktar għarfien minn etajiet żgħar. Ġew diskussi ideat dwar il-bżonn ta’ aktar edukazzjoni dwar l-anotomija u l-funzjonijiet tal-moħħ f’kuntest soċjali normali u d-differenza f’moħħ ta’ persuna li tkun tabbuża mid-droga.

F’dan il-kungress qed issir enfasi sabiex studji relevanti fil-qasam jiġu segwiti fil-prattika. Eżempju ċar ta’ dan huwa l-introduzzjoni tal-mediċina buprenorphine, sabiex tieħu post il-methadone fil-kura ta’ persuni bi problemi tal-użu tal-eroina. Dan fil-fatt diġà qed iseħħ f’Malta bħala parti minn proġett pilota. Diskussjoni oħra kienet dik dwar l-użu ta’ Narcan, spray li jista’ jnaqqas il-probabbiltà ta’ overdose ta’ eroina.

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal se jkun qed isegwi mill-qrib l-eżitu ta’ dan il-kungress sabiex ikun jista’ jinkludi rakkomandazzjonijiet waqt il-konsultazzjoni pubblika marbuta mal-politika tad-droga li se tkun qed tiġi mnedija fix-xhur li ġejjin.