Site Logo
Site Logo
  • MT
  • English

Press Release by the Ministry for Social Policy and Children’s Rights and Parlament Secretariat for Youth, Research and Innovation: Celebrations held for the World Youth Skills Day (maltese version only)

15.07.2022 | Press Releases

Reference Number: PR220960

​Fil-Jum Dinji għall-Abiltajiet taż-Żgħazagħ ittellgħet attività mill-Aġenzija Żgħażagħ u l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), hekk kif tħejjew numru ta’ workshops għaż-żgħażagħ fejn kellhom l-opportunità li jagħmlu xogħol tal-idejn, jitgħallmu ħiliet li jistgħu jużaw fid-dinja tax-xogħol, kif ukoll jiddiskutu  suġġetti ta’ interess għalihom. L-għan ta’ dan il-jum huwa li jqajjem kuxjenza dwar diversi abiltajiet li ż-żgħażagħ jistgħu jiżiluppaw sabiex jgħinuhom kemm fil-preżent u anke fil-futur, speċjalment meta jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Din l-attività serviet bħala opportunità sabiex anke dawk l-aktar żgħażagħ vulnerabbli jingħataw iċ-ċans jilħqu l-milja tagħhom. L-Aġenzija Żgħażagħ mhux biex tassisti fil-problemi li jiltaqgħu magħhom iż-żgħazagħ iżda tgħin sabiex jesploraw ħiliet u abilitajiet moħbija.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon faħħar is-sens ta’ rieda komuni bejn id-diversi entitajiet, sabiex kull żagħżugħ jingħata ċ-ċans li jimmassimizza l-potenzjal tiegħu. Il-Ministru enfasizza li l-Gvern se jkompli jappoġġja inizjattivi bħal dawn għaliex verament jemmen fis-sehem attiv tal-adolexxenti u ż-żgħażagħ.

“Kull żagħżugħ irid ikollu ħolma, u anke iktar minn waħda, u jeħtieġ nindirizzaw l-aspirazzjonijiet ta’ kulħadd għaliex kulħadd jixraqlu futur sabiħ. Irridu wkoll naħdmu biex kulħadd jilħaq il-potenzjal fil-milja tiegħu,” saħaq il-Ministru Michael Falzon.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti saħaq fuq l-importanza strateġika li ż-żgħażagħ kollha jkunu inklużi biex jiksbu ħiliet li huma importanti għalihom ħalli fil-futur isibu impjieg li jwassalhom fil-quċċata tal-kapaċitajiet tagħhom jew anke li jkunu huma stess intraprendituri.

“Huwa importanti li fid-dinja tal-lum noħolqu opportunitajiet li joffru spazju biex iż-żgħażagħ li ġejjin minn kwalunkwe parti tas-soċjetà jkunu jistgħu jiksbu ħiliet li jiġu bżonn fil-futur. Bis-saħħa tal-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet tal-gvern, l-FSWS u Aġenzija Żgħażagħ, illum, fil-Jum Dinji għall-Ħiliet taż-Żgħażagħ, organizzaw numru ta’ inizjattivi għal dan il-għan,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti.

Font Resize