Site Logo
Site Logo
  • MT
  • English

Press Release by the Ministry for Social Policy and Children’s Rights: Taskforce Progress Report launched for Positive Parenting (maltese version only)

30.06.2022 | Press Releases

Reference Number: PR220886

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal nieda rapport ta’ ħidma li saret mit-Taskforce tat-Trobbija Pożittiva matul l-aħħar tliet snin. Dan it-taskforce kien imwaqqaf sabiex joħloq aktar għarfien dwar dak li jagħmel trobbija pożittiva għat-tfal u kif tista’ tingħata aktar stabbilità u ambjent xieraq lit-tfal.

F’konferenza tal-aħbarijiet, ġew preżentati dettalji li ħarġu minn dan ir-rapport t’evalwazzjoni. Ħareġ ċar kemm kien hemm il-bżonn t’aktar għarfien dwar l-intervezzjoni bikrija, li huwa dak il-perjodu meta l-omm toħrog tqila u sa sena wara.

F’din il-fażi ntlaħqu ġenituri u ommijiet li kellhom bżonn għajnuna psikoloġika, minħabba li t-tqala tkun ħalliet emozzjonijiet diversi u li f’ċertu każijiet ikun hemm bżonn għajnuna ta’ professjonisti. Għalhekk komplejna nibnu fuq is-servizzi eżistenti li hemm f’Mater Dei u qed nagħtu servizz lil ommijiet u l-missirijiet li jkollhom diffikultà ta’ saħħa mentali.

Il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar kif dan it-taskforce kompla jsaħħaħ din il-ħidma f’dan il-qasam delikat permezz tal-kampanja ‘Breaking the News’ fejn il-professjonisti qed jingħataw taħriġ professjonali dwar kif għandhom iwasslu l-aħbar f’każ li jkun hemm kumplikazzjonijeit fit-tqala jew inkella diżabbiltà fit-tfal.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellmet ukoll iċ-Chairperson tal-Positive Parenting Taskforce Ruth Sciberras. Hija tat elenku tax-xogħol kollu li sar, bil-parteċipazzjoni ta’ diversi professjonisti lokali u anke internazzjonali.

Ġew imsemmija wkoll fatturi dwar l-għażla tas-sieħeb jew is-sieħba, li jistgħu iħallu effetti fuq it-tfal.

“It-trobbija tat-tfal ġġib magħha ħafna responsabilità u hija indispensabbli li l-ulied iħossuhom siguri fihom nfushom u dan anke għall-ġid tas-soċjetà. Għaldaqstant, bħala gvern, aħna kommessi li nwieżnu l-ġenituri fid-dmirijiet tagħhom. Speċjalment familji li minħabba diversi diffikultajiet, fosthom finanzjarji, għandhom bżonn iżjed għajnuna fit-trobbija t’uliedhom. Matul dawn it-tliet snin għamilna kampanji favur it-trobbija ta’ tfal u l-adoloxxenti kif ukoll dwar iż-żmien ta’ tqala, u dejjem qed joħroġ iktar ċar il-bżonn ta’ kampanji nazzjonali bħal dawn,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.