Site Logo
Site Logo
  • MT
  • English

Press Release by the Ministry for Social Policy and Children’s Rights and the Ministry for Justice: More awareness on parental alienation (maltese version only)

17.06.2022 | Press Releases

Reference Number: PR220816

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal qed jikkollabora mal-Ministeru għall-Ġustizzja biex jindirizza b’mod tanġibbli l-fenominu ta’ parental alienation. Dan it-terminu jista’ jkollu ħafna definizzjonijiet, miżinterpretazzjonijiet u fuq kollox terminu li ma nistgħux nagħlqu għajnejna daqs li kieku ma jeżistix.

F’konferenza tal-aħbarijiet tħabbru r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn studju li sar f’Malta stess mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fi ħdan l-Università ta’ Malta. Dan sabiex jistabbilixxi x’iwassal għall-aljenazzjoni minn ġenitur jew ieħor, kemm din is-sitwazzjoni hija reali f’pajjiżna u r-rakkomandazzjonijiet li jistgħu jservu ta’ gwida.

Ġew spjegati  liema huma dawk l-aktar fatturi komuni li jwasslu għal din it-tip ta’ aljenazzjoni, fejn l-akbar vittmi ħafna drabi jispiċċaw ikunu t-tfal. Iktar min hekk, kienu diskussi temi li jistgħu jservu bħala t-triq ‘il quddiem. Strutturi legali b’saħħithom u għajnuna lil dawk li għaddejjin minn dan l-abbuż huma wħud mir-riżultati li dwarhom se tkompli ssir aktar ħidma.

Ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu l-bżonn ta’ aktar informazzjoni dwar is-suġġett, iktar riċerka u taħriġ lill-professjonisti sabiex ikunu jistgħu jagħtu gwida aħjar lill-ġenituri u lill-familja kollha li tkun għaddejja minn sfidi emozzjonali.

Il-Ministru Michael Falzon tenna li t-tfal dejjem huma meqjusa bħala vittmi f’każijiet bħal dawn u għalhekk huwa ferm importanti li jkun hemm aċċesibbli għajnuna psikoloġika fil-ħin. Il-ministru saħaq li, “L-ebda każ mhu l-istess u li din hija konsiderazzjoni importanti li rridu nżommu f’moħħna”.

“Wara li wettaqna dan l-istudju, issa nistgħu mmexxu ‘l quddiem kampanji ta’ għarfien u linji gwida aħjar lill-professjonisti. Hekk kif inlestu dan il-proċess, niffukaw fuq bidliet leġiżlattivi sabiex nissalvagwardjaw l-interessi tat-tfal u naraw li jkun hemm bilanċ fit-trobbija tat-tfal,” qal il-Ministru Michael Falzon.

Il-Ministru Jonathan Attard saħaq dwar l-impenn tal-gvern f’dan il-qasam u fuq il-ħtieġa li jkollna tisħiħ legali li jirrikonoxxi l-perikli tal-parental alienation biex it-tfal ma jinqatgħu minn mal-ebda ġenitur. Sostna li ma rridux sitwazzjoni li jkollna sistema ta’ one size fits all għax kull każ għandu l-istorja tiegħu, filwaqt li  jassiguraw li dak li qed jagħmlu huwa fl-aħjar interess tal-minuri.

Qal ukoll li bħala Ministru għall-Ġustizzja, flimkien mal-Ministru Michael Falzon, ser jassigura li jissaħħu s-salvagwardji legali li jħarsu lejn bidliet leġiżlattivi fl-aħjar interess tat-tfal inkluż li ż-żewġ ġenituri jqattgħu l-istess ammont ta’ ħin ma’ wliedhom meta dawn ma jkunux qed jgħixu fl-istess dar.

Il-Ministru Attard ikkonkluda li, Iħares ‘il quddiem għal aktar ħidma f’dan is-settur biex nassiguraw li kull min ikollu bżonn jagħmel użu mis-servizzi tal-qrati tagħna jsib ambjent adattat, liġi ġusta, proċeduri effiċjenti u sistema li ma tkomplix tpoġġi piż fuq il-familji tagħna.”​