Site Logo
Site Logo
  • MT
  • English

Press Release by the Ministry for Social Policy and Children’s Rights: Malta in the Presidency for the Social Committee for the Council of Europe (maltese version only)

23.05.2022 | Press Releases

Reference Number: PR220681

​Joe Gerada nħatar bħala President tal-Kumitat dwar il-Koeżjoni Soċjali, fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet Soċjali tal-Kunsill tal-Ewropa. Din il-kariga se jkun qed jokkupaha għat-tliet snin li ġejjin.

Dan il-Kumitat jiġbor fih 46 membru stat tal-Ewropa, kif ukoll rappreżentanti tal-istituzzjonijiet ewlenin Ewropej fosthom il-Bank tal-Iżvilupp Ewropew, l-Assemblea Parlamentari, il-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet Umani u l-Kummissjoni Venezja.

L-għan ewlieni tal-kumitat huwa  li jeżamina l-fatturi li jgħinu lis-soċjetà ssaħħaħ l-istabilità soċjali, l-inklużjoni u l-ugwaljanza filwaqt li jidentifika sitwazzjonijiet ta’ tensjoni li jwasslu għall-faqar u perikli għall-paċi. Għaldaqstant, dan il-kumitat jaħdem biex kull ċittadin Ewropew ikollu l-opportunità li jgawdi d-drittijiet soċjali, l-edukazzjoni, servizzi tas-saħħa, xogħol diċenti, akkomodazzjoni diċenti u l-ħarsien soċjali.

Joe Gerada serva għal diversi snin fuq dan il-kumitat fosthom bħala Viċi-President fejn ikkoordina u mexxa diversi gruppi ta’ esperti li kienu nkarigati biex iħejju rapporti għall-kumitat, b’mod partikolari r-rapport dwar il-qagħda tal-ħaddiem bi dħul baxx u l-politika li tgħin biex ittejjeb il-kundizzjoni tagħhom. Fl-2021 Joe Gerada kien inkarigat biex iħejji dokument bl-intenzjoni li tkun riveduta l-istrategija Ewropea dwar il-koeżjoni soċjali.

Joe Gerada sostna li l-kumitat ħejja programm ambizzjuż għas-snin li ġejjin fosthom: ir-risposta għall-isfidi tal-koeżjoni soċjali wara l-pandemija, l-impatt tal- “Green Deal” Ewropew fuq il-Koeżjoni Socjali, ix-xogħol tranżitorju, l-impatt tal-ekonomija diġitali fuq il-koeżjoni socjali u l-implikazzjonijiet ta’ politika dwar id-dħul bażiku. Huwa sostna li x-xogħol li jagħmel l-kumitat huwa kollu dwar sitwazzjonijiet li jolqtu lin-nies fil-ħajja ta’ kuljum u l-miżuri li jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd, speċjalment ta’ dawk li l-aktar jistgħu jaqgħu lura.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li l-Presidenza ta’ Malta ta’ dan il-Kumitat huwa rikonoxximent ċar tal-ħidma ta’ pajjiżna fil-qasam soċjali.

“Huwa unur għal Malta li flimkien ma’ rikonoxximenti oħrajn li dan l-aħħar ingħataw lil Malta minn entitajiet internazzjonali, issa l-Kunsill tal-Ewropa qed jirrikonoxxi l-fatt li pajjiż żgħir bħal Malta jista’ jkun ta’ eżempju għal oħrajn f’qasam tant importanti għall-prosperità u l-paċi fl-Ewropa”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Font Resize