Site Logo
Site Logo
  • MT
  • English

Press Release by the Ministry for Social Policy and Children’s Rights: Less poverty amoung young people in Malta (maltese version only)

13.04.2022 | Press Releases

Reference Number: PR220467

Ir-rata ta’ żgħażagħ meqjusa vulnerabbli f’Malta, kemm dawk li jgħixu mal-ġenituri u oħrajn li jgħixu għal rashom, hija ferm aktar baxxa meta mqabbla ma’ żgħażagħ li jgħixu f’pajjiżi oħra, membri tal-Unjoni Ewropea. 

Statistika ppubblikata mill-Eurostat titfa’ dawl fuq dawk iż-żgħażagħ li għandhom intensità baxxa ta’ xogħol jew low work intensity fis-27 stat membru tal-EU. Jirriżulta li l-persentaġġ ta’ żgħażagħ ta’ bejn is-16 u d-29 sena li jaħdmu inqas minn 8 sigħat fil-ġimgħa u li għadhom jgħixu mal-ġenituri tagħhom huwa 8.8% tal-popolazzjoni totali tal-istati membri, waqt li dawk li jgħixu għal rashom f’dar fejn jaħdmu ftit sigħat, u allura l-intensità tax-xogħol hi baxxa, kienu 18.1%. 

Dawn il-figuri jikkuntrastaw b’mod qawwi mal-persentaġġi iżgħar Maltin, b’4.8% u b’2.3% rispettivament. Dan ifisser li l-proporzjon ta’ żgħażagħ Maltin li jgħixu f’ambjent fejn l-intensità tax-xogħol hi baxxa huwa żgħir. Dan joħroġ l-aktar evidenti fost dawk iż-żgħażagħ li jgħixu għal rashom f’Malta. 

Huwa sinjifikanti wkoll li l-persentaġġ ta’ dawn iż-żgħażagħ naqas b’mod konsiderevoli mill-2012 ‘l hawn, bejn 2.6% – 6.4% skont jekk jgħixux mal-ġenituri jew le. 

Statistika prominenti oħra kienet dik li tikkonċerna r-rata tal-faqar fost iż-żgħażagħ Maltin meta mqabbla ma’ dawk fl-UE. Waqt li r-rati fl-UE kienu 17.8% u 25.9% fost żgħażagħ li jgħixu mal-ġenituri jew ma jgħixux mal-ġenituri rispettivament, f’Malta dawn kienu 10.6% u 8.7%. Ir-rata ta’ dawk li jgħixu mal-ġenituri naqset bin-nofs fuq tmien snin, waqt li dik fost dawk li ma jgħixux mal-ġenituri naqset marġinalment. 

Kien hemm ukoll xejra pożittiva fir-rata tal-faqar u l-esklużjoni f’Malta mqabbla ma’ dik Ewropea. Waqt li r-rati għal żgħażagħ fl-UE kienu 24.2% u 39.9%, skont jgħixux mal-ġenituri jew le, l-istess rati f’Malta kienu 13.3% u 10.1% rispettivament. Il-persentaġġ ta’ dawn iż-żgħażagħ niżel b’madwar 7% fiż-żewġ każijiet mill-2012. 

“Ir-riżultati huma tassew inkoraġġanti u jirriflettu l-isforzi tal-gvern biex joħloq opportunitajiet ta’ impjiegi b’mod li ż-żgħażagħ Maltin ma jbatux mil-livelli għolja ta’ qagħad li jeżistu f’pajjiżi oħra”, qal il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon. 

Il-Ministru Michael Falzon qal li dawn ir-riżultati ġew wara d-dħul ta’ numru ta’ inċentivi tal-gvern li jinċentivaw ix-xogħol bħall-in-work benefit u bħat-tapering of benefits. 

Is-suċċess tal-iskema tal-in-work benefit, flimkien mal-espansjoni mgħaġġla fil-ħidma ekonomika, ikkontribwixxa wkoll għal tnaqqis sabiħ fir-rata ta’ ċaħda materjali severa fost iż-żgħażagħ. Skont il-Eurostat, waqt li fl-UE din ir-rata ta’ ċaħda materjali fil-każ ta’ żgħażagħ li jgħixu mal-ġenituri kienet 7.4%, f’Malta kienet biss 2.3%, waqt li r-rata fost dawk li ma jgħixux mal-ġenituri kienet 7.3% fl-UE mqabbla ma’ 3.0% f’Malta. Għal darb’oħra, ir-rati f’Malta naqsu bejn 8% u 4.7% perċentwali rispettivament matul tmien snin. 

Intant it-tapering tal-benefiċċji wassal biex tnaqqsu mal-10,000 ruħ mid-dipendenza soċjali.​

Font Resize