Site Logo
Site Logo
  • MT
  • English

Press Release by the Ministry for Social Policy and Children’s Rights: Expenditure on pensions and social benefits increased by € 332 million over 9 years (maltese version only)

06.04.2022 | Press Releases

Reference Number: PR210008

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal jinnota ż-żieda li kien hemm fin-nefqa fuq il-pensjonijiet u l-benefiċċji tas-sigurta’ soċjali matul l-2021.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ppublika ċifri li juru li mqabbel mas-sena ta’ qabel, in-nefqa fl-2021 żdiedet b’aktar minn  €38.3 miljun u laħqet is-somma rekord ta’ aktar minn €1.115 biljun (biljun, mija u ħmistax-il miljun ewro).

Filwaqt li n-nefqa fuq benefiċċji kontributorji kibret b’€36 miljun, dik fuq il-benefiċċji mhux kontributorji telgħet b’€2.4 miljun.

Wieħed mill-fatturi ewlenin taż-żieda fin-nefqa globali kienet l-ispiża fuq il-pensjonijiet tal-irtirar, tar-romol u tal-invalidità u l-pensjoni mhux kontributorja ta’ l-età. Matul l-2021 n-nefqa fuq dawn il-pensjonijiet telgħet b’€45 miljun għal €837 miljun. Il-qabża fin-nefqa kienet prinċipalment dovuta għaż-żieda fil-pensjoni, barra dik għall-għoli tal-ħajja.

Żdied ukoll l-għadd ta’ pensjonanti, li fosthom kien hemm aktar minn 1,000 persuna, l-aktar nisa, li bis-saħħa ta’ miżura tal-baġit li daħlet fis-seħħ fl-2021 bdew jirċievu l-pensjoni għall-ewwel darba.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li ħarsa lura lejn iż-żewġ leġiżlaturi li għaddew turi li globalment f’9 snin in-nefqa fuq il-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali kibret bi €332 miljun jew b’aktar minn 42%. Huwa fisser li dan it-tkabbir seħħ grazzi għat-titjib qawwi li sar fil-kundizzjonijiet u r-rati ta’ diversi benefiċċji, b’mod partikulari fil-pensjonijiet, u għall-introduzzjoni ta’ benefiċċji ġodda bħal l-In-work Benefit, tat-tapering u tal-bonus għal wild ġdid fil-famija, kif ukoll għar-riformi li saru fil-benefiċċji tal-carers u fl-għajnuniet għal persuni b’diżabilita’.  Semma wkoll il-benefiċċji speċjali li tħallsu lil madwar 9,000 persuna li b’mod jew ieħor intlaqtu mill-pandemija tal-Covid-19.

Il-Ministru Falzon stqarr li għalih l-akbar sodisfazzjon kien li tul dawn l-aħħar snin kien hemm tnaqqis ta’ 10,000 persuna  li jirċievu l-Assistenza Soċjali u l-Għajnuna tal-Qgħad li wassal biex ġew frankati madwar €35 miljun f’assistenzi li ma kinux meħtieġa minħabba li dawn in-nies daħlu fid-dinja tax-xogħol u tejjbu l-kwalita’ tal-ħajja tagħhom.  Dawn il-flus il-ministeru użahom biex nieda u tejjeb benefiċċji oħra favur il-familji, il-ħaddiema, il-carers u l-persuni b’diżabilità.

Il-Ministru Michael Falzon qal li qed iħares lejn il-ġejjieni b’ottimiżmu u li dan il-progress li se jkun qed jissokta fil-leġiżlatura l-ġdida bit-twettiq tad-diversi proposti soċjali fil-Manifest Elettorali li għadu kemm ġie approvat mill-elettorat u li diġà beda x-xogħol biex jibda jitwettaq.

Font Resize