Site Logo
Site Logo
  • MT
  • English

Press Release by the Ministry for Solidarity and Social Justice, the Family and Children’s Rights: Further social measures of the 2022 Budget entered into force (maltese version only)

01.03.2022 | Press Releases

Reference Number: PR220282

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal ħabbar li aktar miżuri soċjali se jkomplu jaslu għand il-familji u l-pensjonanti matul ix-xahar ta’ Marzu. Dawn huma parti minn pakkett ta’ miżuri soċjali tal-Budget 2022. Fl-ewwel xahrejn tas-sena diġà twettqu 70% ta’ dawn il-miżuri u għalhekk issa se jitwettqu aktar miżuri matul ix-xahar ta’ Marzu.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Michael Falzon qal li issa tlesta l-proċess sabiex jiġu identifikati dawk l-anzjani li se jikkwalifikaw għall-pensjoni kontributorja għall-ewwel darba.

Għaldaqstant, aktar minn 900 persuna, l-aktar nisa, se jkunu intitolati għal pensjoni ekwivalenti mal-anqas rata tal-pensjoni taż-żewġ terzi, li hi ta’ madwar €50 fil-ġimgħa.

Dan hu possibbli bis-saħħa tal-miżura li tirrikonoxxi dawk il-persuni li ħalsu mill-anqas 10 snin bolol, iżda ma kinux intitolati biex jirċievu l-pensjoni kontributorja għax ma ħallsux bolol minn Jannar 1979 ’il quddiem.

Il-Ministru Michael Falzon qal li minn dan ix-xahar se jintemm l-eżerċizzju amministrattiv, sabiex minn April isir il-ħlas tar-rati l-ġodda tal-Inwork Benefit u jitwessgħu l-limiti tad-dħul fit-tliet kategoriji ta’ ġenituri li jaħdmu u għandhom tfal taħt it-23 sena.

Ir-rati preżenti se jiżdiedu kollha b’€100 għal kull wild.

Fl-istess waqt, tidħol fis-seħħ ir-rata ġdida ta’ €200 għal kull wild f’familji li se jibdew jibbenefikaw mit-twessigħ tal-limiti tad-dħul.

B’hekk, dawk il-persuni li diġà kienu qed jieħdu l-benefiċċju se jaraw titjib fir-rati ta’ €100 għal kull wild.

L-estensjoni tat-thresholds se ssir aktar tard din is-sena b’mod awtomatiku malli jkollna d-dettalji tad-dħul li kellhom il-familji fl-2021.

Il-pensjonanti tas-servizz fl-età ta’ 72 sena u aktar wkoll se jgawdu minn titjib fil-pensjoni tas-sigurtà soċjali tagħhom billi l-parti li kkommutaw biex ħadu s-somma qed tiġi kollha injorata.

B’din il-miżura twettqet b’mod sħiħ wegħda fil-manifest elettorali li s-somma tkun injorata kollha għall-fini tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali.

l-istess waqt, għal darb’oħra żdied b’€200 l-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li jiġi injorat fl-assessjar tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali, biex b’hekk is-somma eżentata din is-sena telgħet għal €3,066.

Intant, madwar 3,200 anzjan/anzjana li jirċievu l-Għajnuna Supplimentari saru eliġibbli awtomatikament għall-għajnuna medika bla ħlas, jew il-Karta r-Roża, kif inhi aktar magħrufa.

Dan sar possibbli għax tneħħiet il-ħtieġa li dawn l-anzjani jkunu soġġetti għat-test tal-mezzi.

Persuni oħra li jirċievu l-istess għajnuna jsiru eliġibbli wkoll hekk kif jagħlqu t-80 sena.

Il-benefiċċjarji huma fost dawk li minn din is-sena bdew igawdu minn rati ogħla tal-Għajnuna Supplimentari.

Ix-xahar ta’ Marzu se jagħti bidu għat-tneħħija ta’ anomalija fil-pensjoni tar-romol. S’issa, pensjonanti romol ma kinux intitolati għal pensjoni sħiħa li kellhom il-konjugi tagħhom qabel mewthom, iżda 5/6 biss tar-rata ta’ dik il-pensjoni.

Din l-anomalija se tispiċċa, għax minn din is-sena beda proċess biex b’mod gradwali jsir aġġustament li jwassal biex finalment ir-rata tkun l-istess li jkollhom il-konjugi tagħhom qabel mewthom.

Madwar 12,000 persuna qed jibbenefikaw minn dawn l-aġġustamenti.

“In-nefqa fuq benefiċċji kontributorji u mhux kontributorji bejn l-2012 u l-2021 żdiedet b’aktar minn €300 miljun u għall-ewwel darba qabżet il-biljun ewro. L-akbar qabża kienet fil-benefiċċji kontributorji li żdiedu b’45% għal €905 miljun. In-nefqa globali fuq il-pensjonijiet kontributorji u li mhumiex kibret b’€489 miljun (jew 86%) għal biljun u disgħa u ħamsin miljun ewro. Dan ifisser li l-pensjonijiet kważi żdiedu bid-doppju mill-2013 sas-sena 2021. Dan huwa xhieda ċara ta’ kemm dan il-gvern dejjem emmen fin-nies, u li għandu l-viżjoni u l-kredibbiltà li jkompli jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Font Resize