Site Logo
Site Logo
  • MT
  • English

Press Release by the Ministry for Social Justice and Solidarity, the Family and Children’s Rights and the Ministry for Justice and Governance: Strengthening the law on cyber bullying and cyber stalking (maltese version only)

18.02.2022 | Press Releases

Reference Number: PR220234

Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis u l-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon ħabbru li attwalment fil-parlament qed jiġi diskuss abbozz ta’ liġi bil-għan li jinħoloq qafas legali biex jiġi miġġieled kull tip ta’ bullying u stalking online.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis spjega li l-gvern irrisponda għall-bżonn li nħoloq minħabba l-avvanz li sar fid-dinja diġitali. L-abbozz bħalissa jinsab fi stadju ta’ kumitat parlamentari bil-għan li jipproteġi lill-vittmi kollha li qed jesperjenzaw abbuż li jseħħ fuq pjattaformi diġitali. Dan jinkludi tfal, adoloxxenti u persuni oħra vulnerabbli. L-Abbozz 260 ser joħloq bilanċ bejn il-libertà tal-espressjoni u l-fenomenu tal-hate speech, u fl-istess waqt ser jagħraf is-cyber stalking u s-cyber bullying bħala reati speċifiċi punibbli bil-liġi.

“L-abbozz propost ser jaħdem qatigħ biex jipproteġi s-soċjetà tagħna minn kwalunkwe abbuż li jsir minn persuni online. Tajjeb li wieħed isemmi li dan it-tip ta’ abbuż jieħu forom differenti, f’ċerti ċirkostanzi wieħed jaħbi l-identità tiegħu u permezz ta’ fake profiles jattakka lill-vittma”. Il-ministru spjega li s-cyber bullying u s-cyber stalking huma realtà komuni li dan il-gvern ser ikompli jiġġieled.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-gvern irid ikompli jsaħħaħ il-ħidma u l-infrastruttura biex ikun miġġieled il-bullying fuq pjattaformi onlajn. Il-bullying jaf jieħu diversi forom għax l-ebda forma ta’ bullying mhu tollerabbli.

“L-għan ta’ din il-liġi huwa li nassiguraw li l-internet u s-cyberspace ikunu post sigur għal dawk kollha li jagħmlu użu minnhom u għalhekk se jkun emendat il​-Kodiċi Kriminali ta’ Malta biex jirrifletti r-realtajiet tal-lum. Din se twassal biex jiżdiedu żewġ artikoli ġodda fil-liġi li permezz tagħhom se jkun hemm definizzjoni ċara ta’ segwiment ċibernetiku u bullying fuq l-internet”, qal il-Ministru Michael Falzon.

Il-Ministru Falzon qal li din il-liġi se tikkumplimenta inizjattivi oħra li diġà qegħdin fis-seħħ biex tkompli tiġi miġġielda kull forma ta’ bullying onlajn. Fil-fatt, Aġenzija Appoġġ fi ħdan l-FSWS tħaddem numru ta’ proġetti bħal BeSmartOnline, fejn dan is-servizz anke nieda l-kampanja ‘The Digital Detox Campaign’. Din il-kampanja fuq Facebook, #Digital Detox, tolqot tfal bejn l-10 snin u s-sittax-il sena. B’kollox intlaħqu mad-39,472 tifel u tifla permezz ta’ din il-kampanja. L-istess aġenzija rċeviet 900 talba ta’ għajnuna marbuta ma’ cyberbullying.

Font Resize