Site Logo
Site Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Il-gvern b’għajnuna ta’ aktar minn €1.5 miljun lill-YMCA (Maltese version only)

06.04.2021 | Press Releases

Reference Number: PR210651

​Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal iffirma ftehim soċjali għat-tliet snin li ġejjin sabiex ikompli jgħin finanzjarment lill-YMCA. Il-YMCA hija organizzazzjoni mhux governattiva li tgħin persuni vulnerabbli li aktarx ikunu bla saqaf fuq rashom u jeħtieġu għajnuna immedjata.

Dan se jsir b’investiment ta’ aktar minn miljun u nofs ewro (€1,546,140), ħabbar il-Ministru Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħataw dettalji dwar kif din l-għajnuna se tkun qed tagħti spinta lill-NGO biex tifrex is-servizzi tagħha fil-komunità. Permezz ta’ dan il-ftehim, se jkun jista’ jingħata wkoll sapport psikoloġiku, fiżiku u soċjali.

Il-Ministru Michael Falzon, qal li dan il-ftehim se jkun qed jiggarantixxi l-użu ta’ 34 sodda f’Dar Nikki Cassar u 14-il sodda f’Y Communal Home. Il-Ministru Michael Falzon spjega li l-għan aħħari huwa li mhux biss noffru xelter iżda li b’mod gradwali nerġgħu nibnu lil dik il-persuna ħalli terġa’ tikseb fiduċja fiha nnifisha, tagħmel għażliet pożittivi u tkun kapaċi tgħix ħajja indipendenti mill-ġdid.

Il-Kap Eżekuttiv tal-YMCA Anthony Camilleri qal li l-klijenti tagħhom huma familji, tfal u individwi bla saqaf fuq rashom. Huwa faħħar il-ħidma tal-gvern u qal li dan huwa gvern li jisma’ u li juri solidarjetà lin-nies li jkunu għaddejjin minn problemi f’ħajjithom.

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal għandu 34 ftehim soċjali ma’ 25 għaqda mhux governattiva li lkoll iwettqu xogħol soċjali imprezzabbli fil-komunità, b’allokazzjoni finanzjarja ta’ aktar minn €10 miljun fis-sena.