Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Aktar ġenituri se jitħallsu l-benefiċċju temporanju tal-COVID fi tmiem din il-ġimgħa (Maltese version only)
Reference Number: PR210629
Fi tmiem din il-ġimgħa aktar ġenituri ta’ tfal taħt is-16-il sena u ta’ tfal b’diżabbilta’ severa se jkunu qed jirċievu l-benefiċċju temporanju tal-Covid minħabba l-egħluq tal-iskejjel.
Fil-fatt sa nhar is-Sibt li ġej se jkunu tħallsu 594 familja minn fost 732 applikant li kellhom l-applikazzjoni tagħhom maħduma sa issa. Dan ifisser li 81% ta’ dawk li applikaw qed jirriżultaw eleġibbli u jitħallsu.
Bil-pagament ta’ tmiem din il-ġimgħa, l-ispiża se tkun telgħet għal €232,524 li meta imbagħad tgħodd il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali li se titħallsilhom ukoll, in-nefqa taqbeż il-€258,000.
Sadattant qed ikomplu japplikaw aktar ġenituri fejn in-numru tal-applikanti issa laħaq l-1,261. Dan ifisser li sa issa inħadmu 52% tal-applikazzjonijiet li daħlu waqt li l-kumplament qed ikomplu jinħadmu ta’ kuljum sabiex kull min hu eleġibbli jirċievi l-benefiċċju malajr kemm jista’ jkun.
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon tenna li dan il-Gvern se jibqa’ jassisti lill-familji sakemm hemm bżonn, kif dejjem għamel tul iż-żminijiet. B’dan il-mod se nkomplu nwettqu ġustizzja soċjali, għaliex aħna Gvern tan-nies u għan-nies. Gvern Laburista kien, għadu u se jibqa’ l-vuċi u r-referenza ta’ kull min jeħtieġ għajnuna kemm fl-immedjat u anke fit-tul, temm jgħid il- Ministru Michael Falzon.
Skont l-iskema imħabbra mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, il-benefiċċju se jkun qed jitħallas sal-Ġimgħa 9 ta’ April. Iżda jekk ir-restrizzjonijiet li kienu tħabbru fl-10 ta’ Marzu, speċjalment l-egħluq tal-iskejjel, jiġu estiżi wara l-11 ta’ April, il-benefiċċju jibqa’ jitħallas skont il-ħtieġa.