Site Logo
Site Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Jitnieda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-passi li jmiss fir-riforma tal-pensjonijiet (Maltese version only)

05.01.2021 | Press Releases

Reference Number: PR210008

Il-Grupp ta’ Strateġija għall-Pensjonijiet għadu kif nieda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-passi li jmiss fir-riforma kontinwa tal-pensjonijiet.

Dan wara li l-Grupp lesta r-rapport analitiku tiegħu dwar l-iżviluppi li seħħew fis-sistema tal-pensjoni f’pajjiżna fl-aħħar 5 snin, filwaqt li jipproġetta l-qagħda tas-sistema tal-pensjoni sal-2070.

Ir-rapport tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, fl-aħħar seduta tal-Parlament qabel ma aġġorna għall-festi tal-Milied, mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.

Dan sar skont l-obbligu legali li joħroġ mill-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, liema obbligu jistipula wkoll li r-rapport ikun diskuss mill-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali.

Ir-rapport fih biss analiżi dettaljata sabiex jipprovoka diskussjoni u dibattitu san, dwar kif se nkomplu nsaħħu is-sistema tal-pensjoni f’pajjiżna sabiex niggarantixxu l-adegwatezza, is-sostenibbiltà u s-solidarjetà tas-sistema.

Fl-analiżi tiegħu l-grupp jinnota kif bl-iżviluppi li kien hemm fl-aħħar snin fil-qagħda ekonomika u fis-suq tax-xogħol, u kif ukoll fis-sistema tal-pensjonijiet f’pajjiżna, qed ikun ipproġettat titjib sostanzjali, kemm meta ikun ipparagunat mal-2010 u kif ukoll mal-2015.

Fil-fatt, filwaqt li l-adegwatezza tal-pensjoni kienet ikkalkulata fl-2010 li se tilħaq is-46% sal-2060, issa qed ikun ipproġettat li se tilħaq il-55% sal-2070, titjib ta’ 9 punti perċentwali. Qed ikun imbassar ukoll titjib f’dik li hija sostenibbiltà, fejn filwaqt li d-defiċit tas-sistema tal-pensjoni fl-2010 kien ikkalkulat li se jilħaq il-5.8% tal-Prodott Domestiku Gross sal-2060, issa qed ikun ikkalkulat li se jilħaq it-3% tal-PDG sal-2070. Fi kliem ieħor id-defiċit tas-sistema tal-pensjoni fl-2070 qed ikun imbassar li jkun kważi n-nofs ta’ dak li kien imbassar 10 snin ilu għall-2060.

Dan il-grupp tekniku hu magħmul minn esperti tal-gvern u oħrajn esterni, il-grupp jaġixxi b’mod totalment independenti mill-gvern u l-kontenut tar-rapport huwa purament tal-grupp.

Eventwalment il-grupp tekniku se jkun qed jevalwa l-opinjonijiet u s-suġġerimenti li jsiru mill-għaqdiet u korpi kostitwiti, mis-soċjeta ċivili, l-għaqdiet tal-pensjonanti u kif ukoll mill-pubbliku in ġenerali, fit-tfassil tar-rakkomandazzjonijiet finali li l-grupp tekniku se jkun qed iressaq lill-Gvern aktar tard din is-sena.

Ir-rakkomandazzjonijiet finali li se jkun qed jagħmel il-grupp tekniku se jkunu qed jeskludu li togħla l-età tal-irtirar u jeskludu li togħla r-rata tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali, u dan skont il-mandat elettorali li għandu l-gvern preżenti.

Il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li se jkun qed imexxi l-Grupp Tekniku se jkun qed jagħlaq fit-30 ta’ Marzu li ġej wara dan. Il-Grupp Tekniku se jkun qed jiltaqa’ mal-għaqdiet u l-korpi kostitwiti, mas-soċjetà ċivili u mal-għaqdiet tal-pensjonanti f’laqgħat li se jsiru apposta f’rispett sħiħ lejn ir-regolamenti u r-restrizzjonijiet imposti kontra l-imxija tal-Covid-19.

Sadattant wieħed jista’ jaċċessa r-rapport mill-website tal-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal li hi https://family.gov.mt​. Ir-rapport jista’ jitniżżel minn din il-link billi tagħfas hawn​.

Kull min irid jibgħat l-opinjoni jew is-suġġerimenti tiegħu jista’ jagħmel dan sal-4.00pm tat-30 ta’ Marzu 2021 jew permezz ta’ email fuq l-indirizz pensions.strategy@gov.mt​ inkella bil-posta liċ-:

Chairperson
Grupp għall-Istrateġija tal-Pensjonijiet
C/O Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti
Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal
Triq ir-Repubblika,
Il-Belt Valletta​