Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Iktar għarfien u edukazzjoni dwar il-kapaċità finanzjarja

Reference Number: PR211087, Press Release Issue Date: Jun 06, 2021
 
Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u l-UĦM Voice of the Workers iffirmaw sħubija strateġika biex jaħdmu flimkien, permezz ta' ĠEMMA (il-pjattaforma tal-edukazzjoni dwar il-kapaċità finanzjarja tal-gvern). Dan bil-għan ta' aktar titjib tal-kapaċità finanzjarja personali taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin matul l-avvenimenti tal-ħajja, inkluż l-irtirar, biex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji infurmati aħjar li jaqblu maċ-ċirkostanzi individwali tagħhom. 
 
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon  stqarr li l-fatt li korpi u istituzzjonijiet importanti bħall-UĦM Voice of the Workers daħlu f'dawn is-sħubijiet strateġiċi ma' ĠEMMA jindika l-fehim dejjem akbar tal-partijiet interessati tas-soċjetà li jissieħbu mal-gvern biex inisslu kultura ta' kapaċità finanzjarja f'Malta – b'mod partikolari minħabba l-korrelazzjoni qawwija bejn il-kapaċità finanzjarja, il-benesseri finanzjarju u l-benesseri tal-bniedem.
 
Il-Ministru Michael Falzon żied jgħid 30% tal-popolazzjoni Maltija hija familjari ma' ĠEMMA, u dawk li attivament ħadu sehem fil-portal u l-kanali tal-midja soċjali tagħha u riżorsi oħra żdiedu minn 9% għal 21% bejn Marzu 2020 u l-2021.
 
Is-Sur Mark Musù, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, li hu responsabbli għat-tmexxija ta' ĠEMMA, enfasizza wkoll li l-ħidma biex ninfilsaw u niżguraw il-kapaċità finanzjarja f'Malta hu għan soċjali – wieħed li fih il-gvern għandu jkollu rwol ewlieni, iżda għan li l-gvern waħdu ma jistax jilħaq. Is-Sur Musù esprima s-sodisfazzjon tiegħu li s-sħubija ma' msieħba strateġiċi, bħall-iffirmar tal-lum mal-UĦM Voice of the Workers, mal-Ministeru tiegħu u ĠEMMA, turi b'mod inekwivoku li hemm fehim qawwi mill-atturi tas-soċjetà, inkluż is-settur privat, dwar l-importanza ta' approċċ daqshekk magħqud lejn it-tnissil ta' kultura ta' kapaċità finanzjarja f'Malta.
 
Il-pjattaforma tal-kapaċità finanzjarja ta' ĠEMMA tista' taraha fuq: https://gemma.gov.mt/mt/​


pr211087a.jpg 
pr211087b.jpg