Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Tidħol fis-seħħ l-għotja ta’ €1,000 għal min jadotta tfal minn Malta

Reference Number: PR211031, Press Release Issue Date: May 31, 2021
 
​Daħlet fis-seħħ miżura soċjali oħra tal-baġit li se tkun qed tgħin finanzjarjament persuni jew koppji li jadottaw tfal minn Malta. Fil-fatt, dawn il-persuni se jkunu qed jibbenefikaw minn għotja ta’ €1,000, li jkopru spejjeż marbuta ma’ dokumentazzjoni legali u spejjeż oħra. 
 
Ħabbar dan il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon f’konferenza tal-aħbarijiet bħala parti mill-kampanja Gvern għan-Nies, it-Tnejn filgħodu fil-Għarghur. 

Il-Ministru Michael Falzon qal illi dawn l-aħħar erba’ snin jixhdu kemm dan il-Gvern kien hemm għan-nies, sabiex jgħin lil kulħadd, ilkoll mnebbħa minn għan wieħed: dik li titwettaq ġustizzja soċjali.

Il-Ministru Michael Falzon saħaq li pajjiżna rnexxilu jżomm l-istess livell t’impjiegi waqt sena ta’ pandemija u saħansitra kien wieħed minn tliet pajjiżi Ewropej li rnexxilu jżid l-impjiegi matul din is-sena. B’referenza għall-miżura marbuta mal-adozzjonijiet lokali, il-Ministru Michael Falzon qal li issa twettqu 90% tal-miżuri tal-baġit għas-sena 2021, filwaqt li nqabżu id-90% tal-miżuri li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-manifest elettorali. Din il-miżura mħabbra dwar l-adozzjonijiet tolqot potenzjalment madwar 90 tifel u tifla li jistgħu jiġu adotatti lokalment.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti spjega kif il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Minuri u l-Kura Alternattiva, li għaddiet mit-tieni stadju, inkludiet ukoll emendi addizzjonali biex tkun irfinata iktar. Għalhekk issa wasal iż-żmien biex numru ta’ tfal ikunu jistgħu jingħaqdu ma’ familji adottivi. 

Alfred Grixti tkellem ukoll dwar l-għotja tal-€10,000 għall-persuni li jadottaw minn barra l-pajjiż— s’issa kienu 84 koppja u 7 persuni single li bbenefikaw. Bejniethom huma adottaw 115 tifel u tifla u bbenefikaw minn madwar miljun ewro.​

pr211031a.jpg 
pr211031b.jpg 
pr211031c.jpg