Stqarriija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Il-familja fiċ-ċentru tal-politika tal-gvern

Reference Number: PR210915, Press Release Issue Date: May 15, 2021
 
Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal nieda strateġija msejjsa fuq tliet pilastri, li huma mmirati li jindirizzaw relazzjonijiet differenti fil-familja.
 
Is-Sibt filgħodu kienu mħabbra dawn id-dettalji, fil-Jum Internazzjonali għall-Familja. Il-Kumitat għat-Tisħiħ tal-Familja, fi ħdan il-Ministeru, ħabbar kif se jkun qed jindirizza, jagħmel aktar enfasi u joħloq iktar għarfien dwar kif il-ġenituri għandhom jaġixxu m'uliedhom, speċjalment f'każ illi l-koppja tkun separata. Intqal li ż-żewġ ġenituri għandhom jibqgħu juru messaġġ wieħed ta' mħabba lil uliedhom.
 
It-tieni pilastru jiffoka fuq l-element importanti tan-nanniet fil-familji, li iktar ma jgħaddi żmien qed ikunu parti kruċjali minħabba l-għajnuna li jagħtu. Se ssir anki enfasi fuq is-solitudni fost in-nanniet u l-anzjani. Kuħadd jixraqlu d-dinjità u li jkollu komunikazzjoni, u hawnhekk kien enfasizzat anke l-irwol tal-Gvern f'dan ir-rigward. Issemma l-helpline 1772, li tant intlaqa' tajjeb, immirat għall-persuni li jħossuhom iżolati.
 
It-tielet pilastru se jkun qed iħares lejn id-diversi forom ta' familji u kif dawn kollha huma parti mis-soċjetà li ngħixu fiha llum.
 
Il-Ministru Michael Falzon qal li kulħadd jitwieled f'familja, anke jekk huma diversi l-forom ta' familji li jeżistu. Il-Ministru qal li huwa importanti li l-Gvern ikompli jsaħħaħ il-familji kemm fuq livell finanzjarju u assistenza oħra, iżda anke billi jibqa' jsaħħaħ il-ħarsien soċjali ta' kulħadd. Żied jgħid li huwa konxju tar-realtajiet soċjali li dejjem jinbidlu, u hekk ukoll tinbidel u ssir aktar pro-attiva l-ħidma tal-Gvern sabiex jindirizza temi bħal dawn.

Iċ-Charperson tal-Kumitat għat-Tisħiħ tal-Familja Joe Gerada qal illi fix-xhur li ġejjin il-Kumitat se jkun qed jidħol aktar fid-dettall ta' dawn l-iskemi u jagħti aktar għarfien professjonali.​​​​

pr210915a.jpg 
pr210915c.jpg