Stqarrija mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mill-Ministeru Għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Gvern b’ruħ soċjali li ma waqafx ikompli jwieżen lill-familji biex jimxu ‘l quddiem

Reference Number: PR210897, Press Release Issue Date: May 12, 2021
 
​Il-familja hija fiċ-ċentru tal-ħidma u l-viżjoni tal-gvern għas-snin li ġejjin, u huwa għalhekk li sena wara oħra komplew jissaħħu l-benefiċċji għall-familja kollha filwaqt li baqgħu jsiru r-riformi meħtieġa biex tkun rikonoxxuta kull tip ta’ familja.

Dan kien il-messaġġ li ħareġ f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela u mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon fuq it-twettiq tal-miżuri tal-manifest elettorali dwar il-familja, fil-ġimgħa li tfakkar il-Jum iddedikat lill-Famlji. 

Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet ħareġ ċar li dan il-gvern, dejjem kien, għadu u se jibqa’ l-vuċi tal-familji Maltin u Għawdxin. Jekk kien hemm bżonn xhieda ta’ dan kollu, kien l-impenn matul dawn l-aħħar xhur tal-pandemija, hekk kif il-gvern daħal għal piżijiet adizzjonali biex isalva l-impjiegi u jneħħi pressjoni bla bżonn minn fuq il-familji.

Il-Ministru Michael Falzon qal li l-familji huma l-blokok li jibnu s-soċjetà u insista li kull tip ta’ familja hija importanti, mingħajr ebda distinzjoni. Il-Ministru Michael Falzon qal li twettqu 93% tal-miżuri li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu matul dawn l-aħħar erba’ snin bħala parti mill-Manifest Elettorali 2017-2022. Dan huwa riżultat tajjeb u riflessjoni tal-ħidma tal-gvern, riżultat li ntlaħaq permezz ta’ xogħol li ħafna minnu jolqot direttament lill-familji bil-miżuri kollha b’rabta mal-benefiċċji u riformi tal-pensjonijiet, fost oħrajn.

Semma ż-żieda fiċ-children’s allowance għall-ewwel darba fi 11-il sena u f’istanzi oħra għall-ewwel darba fi 23 sena kif ukoll iċ-child bonus ta’ €300 għal kull wild ġdid jew tfal adotatti, u dan kollu waqt sena ta’ pandemija.

Ma mxejniex biss ma’ dak propost fil-manifest elettorali. Konna proattivi u anke tajna benefiċċji addizzjonali għal dawk li kellhom l-impjieg tagħhom affetwat ħażin. 

“Dħalna għal kull familja għax nemmnu fis-solidarjetà soċjali.. Komplejna nippromwovu l-inklużjoni soċjali, filwaqt li naraw li ħadd ma jaqa’ lura. Kellna riżultati pożittivi fejn jidħol it-tnaqqis fil-faqar u l-esklużjoni soċjali”, saħaq il-Ministru Michael Falzon. 

Il-Ministru Falzon qal ukoll li l-poplu Malti huwa fost l-aktar popli ottimisti, u dan kollu jibqa’ jagħti aktar enerġija lill-gvern sabiex ikompli jwettaq aktar ġid soċjali li minnu jgawdu l-familji kollha.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal li fejn jidħlu miżuri favur il-familja, il-Manifest Elettorali tal-Gvern inkluda madwar 79 miżura li 63 minnhom twettqu kompletament, li jfisser li 80% tal-miżuri relatati mal-familja ġew implimentati. Fit-tfassil tal-manifest, il-gvern mill-bidu nett kellu prijorità li jnaqqas il-faqar u jpoġġi fuq quddiem it-tisħiħ tal-familja.

Fost il-miżuri li twettqu hemm it-tneħħija tal-ħlas għall-eżamijiet tal-MATSEC u SEC li neħħa piż fuq familji bi dħul baxx flimkien ma’ żieda fl-annual grant tal-istudenti b’€100. It-trasport lejn l-iskejjel sar b’xejn filwaqt li studenti Għawdxin bdew jibbenefikaw minn skema dwar il-kirjiet meta jikru propjetà f’Malta tul l-istudji tagħhom. Miżura oħra importanti hija dik taċ-childcare b’xejn u t-tnaqqis fit-taxxa għal min juża childcare centre privat, li tat opportunità liż-żewġ ġenituri sabiex ikunu attivi fid-dinja tax-xogħol. Barra min hekk, beda jiġi offrut is-servizz tal-IVF mingħajr ħlas kif ukoll ngħataw lura l-btajjel pubbliċi lill-ħaddiema sabiex iservu mhux biss ta’ mistrieħ għall-ġenituri li jaħdmu, imma jtihom iċ-ċans li jingħaqdu flimkien bħala familja u jgawdu l-kumpanija ta’ xulxin.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal li dawn il-kisbiet jixprunaw iktar ħidma b’impenn biex titjieb il-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. Il-qagħda finanzjarja tagħhom qed tkun imsaħħa biex ikun assigurat ħajja iżjed diċenti u opportunitajiet aħjar għal uliedhom.

“Fil-Jum Internazzjonali tal-Familji, ninsabu determinati li nkomplu nsaħħu l-qalb soċjali ta’ dan il-gvern lejn il-familji u r-rieda qawwija tagħna lejn it-tisħiħ ta’ dan in-nukleu importanti tas-soċjetà li hi l-familja. Fiż-żmien tal-prova ma ħallejna lil ħadd waħdu, inkluż u speċjalment il-familji”, sostna l-Ministru Carmelo Abela.​

pr210897a.jpg 
pr210897b.jpg 
pr210897c.jpg 
pr210897d.jpg