Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Għajnuna lill-vittmi ta’ vjolenza sesswali

Reference Number: PR210747, Press Release Issue Date: Apr 20, 2021
 
Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal iffirma ftehim soċjali ieħor mal-NGO Victim Support Malta. Dan il-ftehim se jkun qed jgħin vittmi ta’ vjolenza sesswali li l-każijiet tagħhom huma riċenti kif ukoll oħrajn li jmorru lura snin twal. 

Victim Support Malta diġà jgawdu minn ftehim separat ieħor mal-Ministeru illi huwa intiż sabiex jgħin persuni li jkunu kkontemplaw jew pruvaw iwettqu suwiċidju.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon stqarr illi dan il-ftehim se jlaħħaq finanzjament ta’ €300,000 fuq medda ta’ 3 snin. Il-Ministru Michael Falzon sostna li dan il-Gvern jinteressah bil-fatti mill-minoranzi li jkunu għaddejjin minn żmien ta’ tbatija, speċjalment meta ma jkun hemm ebda sapport.

Il-Ministru Falzon qal illi dan il-Gvern ma jiddejjaqx jitkellem dwar suġġetti meqjusa bħala ‘taboo’, anzi jmur oltre minn hekk sabiex jifhem t-tbatija li għaddew minnha dawn il-persuni. 

Min-naħa tagħha, manager fi ħdan Victim Support Malta Sarah Jane rringranzjat lill-Gvern għall-għajnuna kontinwa li jipprovdi sabiex ikunu jistgħu jiġu ndirizatti każijiet bħal dawn. Hija spjegat kif dan il-ftehim se jkun qed jagħti serħan il-moħħ lill-vittmi biex igawdu minn servizzi terapewtiċi, legali, psikjatriċi u anke għajnuna minn tim ta’ professjonisti li jagħti l-ewwel sapport jew fl-isptar jew f’xi għassa tal-pulizija. L-għajnuna tingħata 24 siegħa kuljum lill-vittmi mingħajr ebda ħlas, u iktar minn hekk jingħata sapport addizzjonali lil dawk l-iktar qrib tal-vittmi.

pr210747a.jpg 
pr210747b.jpg 
pr210747c.jpg