Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Għodda ġdida tgħin biex l-abbuż fuq it-tfal ikun irrappurtat minnufih

Reference Number: PR210704, Press Release Issue Date: Apr 13, 2021
 
Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal implimenta parti oħra importanti mill-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal li daħlet fis-seħħ f'Lulju tas-sena l-oħra. Il-Ministru Michael Falzon ħabbar li se jibda jitħaddem il-kunċett tal-mandatory reporting, li l-għan aħħari tiegħu huwa li jitħaffef il-proċess ta' meta ikun hemm xi tip t'abbuż fuq minorenni.
 
Il-Ministru Michael Falzon spjega kif il-maġġoranza tal-professjonisti li jaħdmu mat-tfal huma obbligati li jirrappurtaw suspett jew inkella ċertezza ta' xi trattament ħazin fuq it-tfal. L-Artiklu 19 tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Maqgħuda dwar id-Drittijiet tat-Tfal jiddetta ċar li kull tifel u tifla għandhom jingħataw protezzjoni minn kull forma ta' vjolenza, negliġenza jew abbuż.
 
Fil-qasam tat-tfal, Malta dejjem imxiet mal-linji gwida tal-Ġnus Maqgħuda u għalhekk l-Istat se jagħti iktar għodod sabiex ikunu protetti kull tifel u tifla. Dan f'eventwalità li jkunu qed jgħixu f'ambjent perikoluż, jew li nkella li ma jkunx wieħed ideali, għat-trobbija tat-tfal, fi żmien sensittiv ta' żvilupp emozzjonali u fiżiku.
 
Matul iż-żmien dejjem inħasset il-ħtieġa ta' struttura formali li tagħti aktar saħħa lill-professjonisti, bħal psikoloġisti, psikjatri, tobba, li jaħdmu mat-tfal. Kull professjonist, li jkollu kuntatt formali jew informali mat-tfal, issa huwa obbligat li jirrapporta kull suspett ħażin fil-ħajja tat-tfal. Jekk rapport jirriżulta li ma kien xejn, mhux se jkun hemm lok għal proċeduri kriminali kontra l-persuna li tagħmel ir-rapport. Professjonist jista jiffaċċja konsegwenzi legali f'każ illi ma jieħux azzjoni jekk ikun hemm abbuż.
 
Il-konsulent legali li ħadem fuq din il-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal, Andy Ellul, spjega kif din il-liġi issa mhux biss qed tħeġġeġ aktar kull ċittadin jagħmel rapport b'rabta ma reat, iżda tagħti obbligu legali lill-professjonisti jirrappurtaw. Dr Andy Ellul spjega kif issa l-professjonisiti għandhom aċċess online għal formola fuq is-sit family.gov.mt. Mil-lum kull professjonist jista' jagħmel rapport jekk iħoss li hemm xi tip ta' negliġenza, u jekk dan ma jkunx il-każ, ma jkun hemm l-ebda riperkussjonijiet oħra.
 
Il-Ministru Michael Falzon ikkonkluda u qal li għandu fiduċja kemm fil-professjonisti kif ukoll fil-qrati sabiex każijiet bħal dawn jingħataw l-importanza li verament jirrikjedu, għax fil-qalba ta' dan kollu hemm it-tfal u dawn jixirqilhom kull prijorità.​

pr210704a.jpg ​ 
 
pr210704b.jpg