Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Gvern għan-Nies bil-fatti

Reference Number: PR210587, Press Release Issue Date: Mar 25, 2021
 
Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal irċieva madwar 1,000 applikazzjoni għall-benefiċċju tal-ġenitur li tħabbar ftit tal-ġranet ilu. Jirriżulta li madwar 80% tal-applikazzjonijiet kienu validi, u b’hekk dawn il-persuni se jibdew jirċievu dan il-benefiċċju, sal-11 ta’ April jew kif jirrikjedu l-esiġenzi. 

Ħabbar dan il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, f’konferenza tal-aħbarijiet mas-Segretarju Permanenti Mark Musu.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan huwa gvern tan-nies għan-nies, u li dan il-gvern se jibqa’ hemm biex jagħmel tajjeb għal tbatijiet li qed niffaċċjaw kawża tal-pandemija. Il-Ministru Michael Falzon tenna li dan il-benefiċċju huwa immirat sabiex in-nies fid-dinja tax- xogħol jibqgħu inċentivati sabiex jibqgħu jaħdmu, filwaqt li jingħata serħan il-moħħ kemm għat-tkomplija tal-impjieg kif ukoll sabiex il-ġenituri jibqgħu jieħdu ħsieb lil uliedhom bl-aqwa mod possibbli.

Il-Ministru Michael Falzon fakkar kif, flimkien ma’ dan il-benefiċċju, se jibqa’ jitħallas ukoll l-Inwork Benefit kif ukoll it-Tapering of Benefits.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Mark Musu qal li sa issa diġà tħallset is-somma ta’  €105,000, li minnhom gawdew total ta’ 270 persuna u familja minn dan il-benefiċċju. 44% tal-applikazzjonijiet diġà ġew ipproċessati, bil-kumplament se jinħadmu fil-jiem li ġejjin.

Is-Segretarju Permanenti Mark Musu qal li l-ispiża totali titla’ għal €116,800 meta wieħed jinkludi l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa. Fuq l-applikazzjonijiet kollha li daħlu sa issa, mistennija titħallas is-somma ta’ €320,000. 

Applikazzjonijiet ġodda jistgħu jsiru fis-siti socialsecurity.gov.mt u family.gov.mt​

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel fuq in-numru 153.​
 
pr210587a.jpg 
pr210587b.jpg 
pr210587c.jpg