Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Strateġija kontra l-vizzji fost l-adoloxxenti

Reference Number: PR210467, Press Release Issue Date: Mar 03, 2021
 
B'investiment ta' €90,000, il-Gvern se jkun qed jaħdem fuq strateġija mmirata għall-adoloxxenti kontra l-użu ta' droga u sustanzi oħra. Din se tkun kampanja informattiva, mmirata lejn l-adolexxenti u l-ġenituri tagħhom, kif ukoll lejn l-edukaturi. L-għan huwa li jinħoloq għarfien reali dwar l-abbuż ta' sustanzi, filwaqt li nwittu t-triq biex ħadd ma jaqta' qalbu jfittex l-għajnuna meta jkun hemm bżonn.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat.

 
Bit-tema, “Qegħdin hawn biex ngħinuk u mhux biex niġġudikawk',  din il-kampanja se tkun qed twassal messaġġi li verament jolqtu ż-żgħażagħ fil-laħam il-ħaj, li tkun fiż-żarbun tal-adoloxxenti, filwaqt illi  tifhem l-pressjonijiet u anke l-kultura ta' madwarhom. 

Il-Ministru Michael Falzon, qal li kull persuna tagħmel għażliet kruċjali li jirriflettu fuq il-futur tagħhom. Għalhekk permezz ta' din il-kampanja se nagħtuhom l-għodda essenzjali għall-għarfien dwar l-abbuż tas-sustanzi. Mhux biss li ż-żgħażagħ infushom, iżda anke lill-ġenituri u l-edukaturi, li jkollhom kuntatt dirett magħhom. 

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li Komunità Malta qed tinvesti €90,000 f'din l-inizjattiva. “Bil-fondi li pajjiżna qed idaħħal minn programmi ta' residenza b'investiment, qed ngħinu lil eluf ta' ċittadini Maltin u Għawdxin". 

Żied jgħid li bis-saħħa tal-investiment dirett barrani, qed ngħinu lill-komunitajiet b'kull mod u nkunu ta' spalla lill-Gvern, lill-ġenituri, lill-edukaturi, u liż-żgħażagħ, minkejja li ninsabu fl-eqqel ta' pandemija globali. “Għalhekk se nkomplu nistinkaw sabiex il-programmi ta' residenza nsostnuhom," ikkonkluda s-Sur Muscat.​ 

Il-kampanja se tinkludi website informattiva, materjal fuq il-midja soċjali, intervisti, materjal televiżiv u fuq ir-radju, flimkien ma' ppubblikar ta' handbook u stands ta' informazzjoni. Fil-ġimgħat li ġejjin, dan il-materjal se jkun ippublikat, sabiex jibda jilħaq in-niċċeċ immirati minn din il-kampanja.
 
PR210467a.jpg
PR210467b.jpg
PR210467c.jpg
PR210467d.jpg