Stqarrija mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa u mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Jitlaqqmu l-front liners tal-qasam soċjali

Reference Number: PR210386, Press Release Issue Date: Feb 23, 2021
 
Madwar 700 ħaddiem tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) qegħdin jirċievu l-vaċċin ta' kontra l-COVID-19.
 
Dawn il-ħaddiema, li jaħdmu direttament ma' vittmi ta' vjolenza domestika, ta' vizzji, professjonisti tad-detox, u diversi ħaddiema oħra li għandhom impjieg f'xi residenza tat-tfal, immexxija mill-FSWS, mistennija jitlaqqmu kollha sal-aħħar tal-ġimgħa.
 
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, flimkien mal-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon żaru lil uħud minn dawn il-ħaddiema li qed jirċievu l-vaċċin fiċ-ċentru ta' tilqim li ntrama fl-Università ta' Malta.
 
Iż-żewġ ministri tennew is-sodisfazzjon tagħhom għall-mod strutturat li bih qed jitlaqqmu numru ta' front liners tal-qasam soċjali.
 
Il-Ministru Michael Falzon faħħar is-sehem tal-impjegati kollha tal-FSWS, li matul l-aħħar xhur raw żieda fix-xogħol tagħhom, kawża tal-pandemija, li żiedet is-solitudni u diversi pressjonijiet soċjali ġodda.
 
Min-naħa tiegħu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne irringrazzja lill-ħaddiema tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS), tax-xogħol li għamlu sabiex iċ-ċentru tat-tilqim fl-Università ta' Malta seta' jiżdied bħala lok ieħor fejn jitlaqqmu gruppi ta' ħaddiema. Huwa tenna l-impenn tiegħu biex il-programm ta' tilqim tal-COVID-19 jimxi b'ritmu mgħaġġel sabiex jitlaqqmu kemm jista' jkun persuni mill-iktar fis.

pr210386a.jpg​ ​