Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: ĠEMMA bi ftehim għal iktar kapaċità finanzjarja

Reference Number: PR210383, Press Release Issue Date: Feb 23, 2021
 
Il-fergħa fi ħdan il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal  ĠEMMA laħqet ftehim mal-Kamra tal-SMEs sabiex jibda jingħata taħriġ fil-kapaċità finanzjarja lil sidien ta’ negozji żgħar u medji.

ĠEMMA ħejjiet strateġija nazzjonali dwar il-kapaċità finanzjarja sabiex tidentifika diffikultajiet fis-separazzjoni tal-ispejjeż tan-negozju u tal-familja, għarfien dwar l-amministrazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali u pjannar fit-tul għall-irtirar.

Ħabbar dan il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn saħaq li dan huwa s-seba’ Memorandum ta' Qbil li l-Ministeru ffirma ma’ stakeholders importanti għat-tagħlim fuq il-kapaċità finanzjarja.

Il-Ministru Michael Falzon, qal li, “huwa rikonoxxut kemm mill-UE kif ukoll mill-OECD li nuqqas ta’ għarfien dwar il-kapaċità finanzjarja jirriżulta direttament f’żieda fil-faqar” u li “f’Settembru 2020, permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-Kummissjoni rrakkomandat għadd ta’ miżuri biex jiżdied il-litteriżmu tal-kapaċità finanzjarja – inkluż l-iżvilupp ta’ qafas ta’ kompetenza finanzjarja u miżuri ta’ tagħlim li jappoġġjaw l-edukazzjoni finanzjarja tal-konsumaturi.”

Is-Sur Mark Musu, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru, iddikjara li, “avviċinajna lill-Kamra tal-SMEs biex naraw jekk flimkien nistgħux nadottaw dan il-kunċett għall-forniment ta’ taħriġ fuq il-kapaċità finanzjarja lil persuni li jaħdmu għal rashom. Għalina, il-persuni li jaħdmu għal rashom jitqiesu bħala grupp vulnerabbli”, sabiex il-programm tal-coaching jinbeda b’mod konġunt, “biex tiżdied il-kapaċità finanzjarja tal-persuni li jaħdmu għal rashom.”

Wieħed jista’ jara din il-pjattaforma tal-kapaċità finanzjarja tal-Ministeru fuq il-website: https://gemma.gov.mt/​

pr210383a.jpg 
pr210383b.jpg