Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Il-ġustizzja soċjali hija l-għeruq ta’ dan il-gvern

Reference Number: PR210353, Press Release Issue Date: Feb 19, 2021
 
“Kulħadd għandu dritt għall-ġustizzja soċjali, meta niġu quddiem sfida ta’ ġustizzja soċjali, ejja ma naħsbux li hawn xi ħadd illi se jsolvi kollox, biss kull wieħed u waħda minna jista’ jagħmel differenza fil-ħajja ta’ xi ħadd.” Stqarr dan il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, waqt li kien qed jindirizza konferenza bit-tema ‘Ġustizzja Soċjali, it-Triq ’l Quddiem’.

Il-Ministru Michael Falzon tenna s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod li dan il-partit u moviment Laburista minn dejjem fehem illi rrid jgħin lil dawk l-aktar batuti, u jiffaċilita sistema fejn kulħadd jitla’ tarġa u aktar minn waħda, irrelevanti minn liem livell soċjali ġej minnu.

Din il-konferenza ġiet organizzata minn dan il-Ministeru lejlet il-ġurnata internazzjonali li tfakkar l-importanza tat-twettiq tal-ġustizzja soċjali.

Il-Ministru Michael Falzon fakkar kif, lura fl-2013, gvern Laburista tela’ bil-wegħda li jwettaq aktar ġid, li jtella’ ’l fuq eluf ta’ persuni li ħassewhom minsija minn amministrazzjonijiet preċedenti. L-istess kif sar fis-snin 70 u 80, inħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol, inizjattivi biex aktar nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol, bħat-tapering of benefits, l-inwork benefit, childcare b’xejn għal kulħadd, trasport għall-iskola b’xejn għat-tfal, trasport pubbliku b’xejn għall-anzjani, kif ukoll żidiet konsekuttivi fil-pensjoni, sena wara sena. Dan għaliex il-pajjiż jiflaħ u ma jarax dan bħala piż, iżda bħala mod ta’ rikonoxximent għal aktar minn 92,000 pensjonant f’pajjiżna.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet kif wieħed mhux biss għandu jitkellem dwar il-ġustizzja soċjali, imma għandu wkoll iwettaqha bl-aktar mod konkret, għax tgħin fl-implimentazzjoni ta’ żewġ miri kardinali tal-gvern; l-inklużjoni u l-kwalità tal-ħajja. “Meta tqis x’għamilna tul dawn l-aħħar seba’ snin fil-qasam tal-persuni b’diżabbiltà, faċilment tirrealizza kemm dan is-settur kien tħalla lura. Fl-aħħar sena ta’ gvern Nazzjonalista fl-2012, il-fondi allokati għal programmi u inizjattivi għad-diżabbiltà kienu jammontaw għal €1,028,000, f’kuntrast ma’ investiment din is-sena li tela’ għal €13.8 miljun. Bl-istess mod, filwaqt li għall-Aġenzija Sapport fl-2012 kienu allokati €8,120,000, għal din is-sena qegħdin nallokaw €20,530,000, żieda ta’ €12.5 miljun,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli. 

Semmiet kif bħala gvern se tkompli għaddejja ħidma sħiħa f’dan is-settur, tant li mistennija jiftħu żewġt idjar fil-komunità, waħda fil-Qrendi u oħra fiż-Żurrieq. “Għaddej ukoll xogħol biex Malta tiġi konformi mal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għall-persuni b’diżabbiltà. Fost dan, il-kunċett ta’ awtonomija personali – li tindirizza l-gaps li għandna fil-każ ta’ persuni li intellettwalment waħedhom ma jistgħux jieħdu deċiżjoni,” temmet il-Ministru Farrugia Portelli.

Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela qalet li waqt din l-attività ħadet pjaċir tisma’ l-interventi li saru, għaliex jixhdu l-ħidma sfieqa li qiegħda ssir biex inkomplu nagħmlu minn Malta pajjiż aktar ġust.

Tkellmet dwar il-ħidma politika tagħha li kienet xprunata l-aktar mill-impenn li mhux biss tkun vuċi għal min m’għandux leħen fis-soċjetà tagħna, iżda taġixxi u toffri soluzzjonijiet li tabilħaqq iġibu bidla għall-aħjar fil-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna.

Dr Lydia Abela stqarret li rridu nassiguraw li nkomplu nsostnu u noħolqu aktar xogħol. Sostniet kif ir-rata ta’ tkabbir li rajna fl-aħħar snin fis-suq tax-xogħol ta’ pajjiżna kien fattur importanti biex komplejna nsaħħu l-welfare state ta’ pajjiżna. B’hekk pajjżna seta’ jimplimenta l-garanzija għaż-żgħażagħ, idaħħal is-servizz ta’ childcare b’xejn għal kulħadd, u żdiedu u ddaħħlu l-għajnuniet soċjali ġodda għal dawk l-aktar fil-bżonn, fosthom żieda wara oħra fil-pensjonijiet u fiċ-children’s allowance.

Madankollu, qalet li rridu nirrikonoxxu wkoll li dejjem jifdal xi jsir, iżda tinsab fiduċjuża li bil-politika soċjali li qed timplimenta din l-amministrazzjoni se nkomplu nindirizzaw realtajiet li ma nistgħux nagħlqu għajnejna għalihom.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Mark Musu stqarr li pajjiżna qed josserva strateġija għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Sal-lum, din qed isservi ta’ gwida għall-gvern u l-istakeholders kollha, sabiex ikunu implimentati l-‘policy actions’ neċessarji. Din il-viżjoni se tkompli fis-snin li ġejjin, sabiex tirrifletti n-neċessitajiet u l-isfidi ġodda li s-soċjetà tista’ tiffaċċja.

pr210353a.jpg 
pr210353b.jpg 
pr210353c.jpg 
pr210353d.jpg 
pr210353e.jpg