Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Ir-rapport maħrug illum mill-Caritas dwar 'Baġit Minimu Essenzjali għall-Għajxien Diċenti 2020',

Reference Number: PR210267, Press Release Issue Date: Feb 05, 2021
 
Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal jinnota b'sodisfazzjon ir-rapport maħrug illum mill-Caritas dwar 'Baġit Minimu Essenzjali għall-Għajxien Diċenti 2020', li jiġbor fih riċerka dwar  il-baġit meħtieg minn familji bi dħul baxx imqabbel mad-dħul tagħhom. 
 
Ir-rapport jiffoka fuq familji b'żewġ adulti u żewġt itfal; ġenitur wieħed b'żewġt itfal; u koppji anzjani.
 
Dan kien it-tielet rapport tax-xorta tiegħu mill-Caritas.  Dawk ta' qablu saru fl-2012 u l-2016.
 
Meta wieħed iqabbel il-baġit meħtieg skont il-kalkoli tal-Caritas mad-dħul effettiv f'seba' kateġoriji differenti ta' sitwazzjonijiet, isib li fil-maġġoranza tal-kategoriji imsemmija inkluż pensjonanti jew anzjani ta' 'l fuq minn 65 sena jew familji bit-tfal fejn xi ħadd mill-ġenituri jaħdem, il-familji konċernati għandhom dħul li jaqbeż il-baġit, f'każ minnhom bi 19%, filwaqt li fit-tliet kategoriji l-oħra hemm distakki pożittivi li jvarjaw saħansitra bejn l-34% u s-47%.  Dan ifisser li d-dħul ta' dawn il-familji, anke jekk l-istudju ffoka fuq dawk bil-pensjoni minima jew bil-paga minima u benefiċċji oħra relatati, huwa ogħla, f'ċertu każi b'mod sostanzjali, mill-baġit stabbilit mill-Caritas. B'kuntrast, fl-istudju tal-2012 kien ħareġ biċ-ċar li l-benefiċċji, specjalment il-pensjoni minima, ma kinux biżżejjed biex ikopru baġit minimu ta' spiża.
 
Mill-bqija tal-kategoriji hemm żewġ kategoriji fejn għad hemm distakk negattiv minimali jew moderat: ta' 4.3% anqas mill-baġit fil-każ ta' żewġ adulti b'żewġt itfal, u distakk moderat ta' 9.4% fil-każ ta' ġenitur wieħed b'żewġt itfal fuq assistenza soċjali u jew għajnuna għall-qgħad. L-aħħar kategorija hija dik ta' familji ta' żewġ adulti b'żewġt itfal, fejn il-ġenituri huma bla xogħol jew fuq assistenza soċjali fejn id-distakk huwa ta' 24.8%.
 
B'differenza mir-rapporti ta' qabel, meta tqiesu l-baġits tal-familji, ir-rapport ta' din is-sena kkunsidra diversi spejjeż li qabel ma kinux ikkunsidrati. Dawn jinkludu spejjeż mediċinali u servizzi mediċi, arja kundizzjonata u servizzi elettroniċi u telefonija, inklużi laptops u smartphones, kif ukoll għadd ta' spejjeż relatati mal-edukazzjoni u l-kultura. Fil-baġit saru wkoll ċerti aġġustamenti biex jitqiesu  skemi ta' tqassim ta' ikel b'xejn, titjib f'apparat teknoloġiku u għajnuna mogħtija mill-Awtorità tad-Djar lil min jikri mill-privat.
 
Id-dħul tal-familji jinkludi dħul minn impjieg jew minn pensjoni u benefiċċji soċjali u allowances li jirċievu mingħand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. F'każ ta' impjiegi, id-dħul huwa bbażat fuq il-paga minima nazzjonali filwaqt li f'każ ta' persuni anzjani d-dħul huwa msejjes fuq pensjoni minima. F'dawk li huma benefiċċji gew ikkunsidrati Children's Allowance, l-In-Work Benefit u tapering, il-benefiċċju għall-enerġija, u assistenza soċjali jew għajnuna għal qgħad.
 
Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal jinnota b'sodisfazzjon li bis-saħħa tat-titjib fil-paga minima nazzjonali u tal-pensjonijiet, kif ukoll l-għadd sostanzjali ta' miżuri li ddaħħlu fis-seħħ fl-aħħar ħames snin, kien hemm żidiet fid-dħul li mill-anqas ivarja bejn 14% u 23%, u fil-maggoranza tal-każi l-oħra qabżu l-40%.
 
Il-ministeru jinnota b'sodisfazzjon ukoll li l-maġġoranza tal-kategoriji msemmija issa għandhom dħul li qed jaqbeż sew il-baġit stabbilit mill-Caritas minkejja li l-basket li fuqu huwa stabbilit il-baġit twessa' sostanzjalment bi prodotti u servizzi ġodda.
 
Min-naħa l-oħra, il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal ħa nota tal-kategoriji li għadhom taħt dan il-baġit, liema kategoriji huma dawk fejn il-ġenituri ma jaħdmux u/jew jgħixu fuq l-assistenza soċjali. Huwa anke għalhekk li fl-aħħar snin il-gvern nieda pakkett ta' skemi u għajnuniet taħt il-kunċett ta' 'Making Work Pay', liema pakkett wassal biex in-numru ta' nies li jgħixu fuq l-assistenza soċjali naqas b'aktar minn nofs fl-aħħar seba' snin billi daħlu fid-dinja tax-xogħol.

Il-Ministru Michael Falzon, filwaqt li jirringrazzja lill-Caritas għal dan l-istudju, ħa nota wkoll tar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport u flimkien mal-ministeri l-oħra konċernati se jkun qed jevalwahom, b'mod partikolari dik dwar l-introduzzjoni tal-Universal Basic Income (Dħul Bażiku Universali), li fil-fatt il-gvern diġà kkummissjona studju speċjali dwaru s-sena l-oħra, liema studju għaddej bħalissa. ​