Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Ftehim sabiex jgħin persuni bi ħsieb jew twettiq ta’ suwiċidju

Reference Number: PR210194, Press Release Issue Date: Jan 29, 2021
 
​Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal iffirma ftehim soċjali sabiex jassisti persuni li jkunu kkontemplaw jew pruvaw iwettqu suwiċidju, kif ukoll biex ikun mogħti appoġġ għal dawk il-persuni l-iktar qrib tagħhom. 

Dawn id-dettalji ħabbarhom il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet meta spjega li dan il-ftehim li jlaħħaq il-€105,000 fuq medda ta’ tliet snin se jkun qed jgħin lil Victim Support Malta.

Victim Support Malta tgħin lil persuni bi problemi kriminali, iżda eventwalment inħass il-bżonn li tinfetaħ fergħa, bl-isem ta’ SPOT (Suicide Prevention and Therepeutic Services), li permezz tagħha l-organizzazzjoni tkun tista’ tgħin klijenti li jkunu waslu sabiex pruvaw iwettqu suwiċidju.

Sa issa, f’temp ta’ ftit xhur, il-ħaddiema ta’ Victim Support Malta assistew 72 persuna li għaddew minn din it-trawma.

Il-Ministru Michael Falzon qal li huwa importanti li nkomplu ninvestu bħala pajjiż, mingħajr ma nagħmlu ebda preġudizzji fuq ħadd. Spjega kif is-suwiċidju huwa trawma devastanti għall-familjari, u trawma ikbar għal dawk li pruvaw jagħmlu suwiċidju u ma rnexxilhomx.

Il-ministeru se jkompli jagħti l-appoġġ massimu tiegħu lill-aktar persuni vulnerabbli. Nifhmu li l-pamdemija ġabet u se tkun qed iġġib aktar pressjonijiet fuq is-saħħa mentali ta’ kulħadd, aktar u aktar fuq dawk li diġà jkunu għaddew minn problemi oħra fit-tul.

Il-ftehim kien iffirmat mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Mark Musu u Karl Grech minn Victim Support Malta.

pr210194a.jpg 
pr210194b.jpg 
pr210194c.jpg