Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Imnedija konsultazzjoni pubblika dwar l-adozzjonijet lokali

Reference Number: PR202337, Press Release Issue Date: Nov 20, 2020
 
Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali nieda konsultazzjoni pubblika dwar l-adozzjonijiet lokali sabiex isiru reviżjoni, diskussjoni u emendi meħtieġa li jiffaċilitaw adozzjonijiet ta’ tfal li jgħixu Malta stess.
 
Il-ministeru huwa konxju li fl-istat preżenti, iċ-ċittadini Maltin li għandhom ix-xewqa li jadottaw isibu li l-adozzjoni minn pajjiż ieħor għal raġuni jew oħra tkun aktar adatta għall-bżonnijiet tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-ministeru jifhem ukoll li hemm ammont ta’ tfal li bħalissa jinsabu fis-sistema ta’ kura alternattiva u li għalhekk qegħdin jitilfu mill-opportunità li jgħixu u li jiffjorixxu f’ambjent ta’ familja. Li tissaħħaħ ferm l-għaqda bejn dawn il-bżonnijiet billi tittejjeb il-liġi lokali huwa eżerċizzju li ma jistax jistenna aktar u dan il-ministeru qiegħed jieħu l-impenn li jagħmel dan fil-ġimgħat li ġejjin. 

Kien għalhekk li l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon ippreżenta sett ta’ proposti għal konsultazzjoni pubblika. 

Il-Ministru Michael Falzon fakkar li dan il-gvern għamel passi kbar fil-qasam tat-tfal tant li kien f’Novembru tal-2017 li pajjiżna kellu l-ewwel Children’s Policy li eventwalment wasslet għal-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal li fiha inkorporat anke rakkomandazzjonijiet mill-Ġnus Magħquda.

Il-Ministru Michael Falzon qal li sar xogħol ukoll sabiex ikun iffaċilitat il-qasam tal-fostering u l-adozzjonijiet filwaqt li semma għexieren ta’ miżuri li laqtu lill-familji b’mod pożittiv bħaċ-childcare, trasport u breakfast clubs li lkoll qed jingħataw bla ħlas. 

Il-Ministru Michael Falzon qal li l-proposti għall-emendi fil-liġi li tirregola l-adozzjoni jinkludu l-possibilità li jkun hemm adozzjoni miftuħa. Hemm bżonn li l-liġi tirregola dan l-aċċess u tipprovdi salvagwardji għall-każijiet li fihom dan il-kuntatt ma jibqax fl-aħjar interess tal-minuri adottat. Il-liġi hemm bżonn li tipprovdi mod kif il-persuni kollha involuti jkunu jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tagħhom. 

Il-konsulenta legali Daniela Azzopardi Bonanno qalet li parti importanti minn din il-konsultazzjoni se ssir mat-tfal li qegħdin f’kura alternattiva. Proposta oħra hija l-kwistjoni tal-kunjom tal-minuri ladarba l-istess minuri jkun adottat u jkollu dritt għall-identità tiegħu. Marbut ma’ dan l-eżerċizzju ser ikun hemm studju dwar jekk u kif minuri adottat għandu jiġi provdut b’informazzjoni dwar il-familja naturali qabel ma l-istess minuri jiġi maġġorenni, kemm-il darba jittieħdu dawk is-salvagwardji kollha neċessarji sabiex jiġi żgurat li dan ikun skont l-aħjar interess tal-istess minuri. 

F’dan l-istadju, il-ministeru qiegħed jipproponi li jkun possibbli għall-minuri adottat li jagħmel talba sabiex ikollu aċċess għal din l-informazzjoni iżda l-istess minuri jrid ikun akkumpanjat minn professjonist li għandu jiżgura li l-minuri huwa fi stat li jista’ jipproċessa din l-informazzjoni b’mod san, partikularment f’każ li din it-talba toħloq ukoll tensjoni mal-ġenituri adottivi. 

Il-kompożizzjoni u r-responsabbiltajiet ta’ kull entità prinċipali involuta f’deċiżjonijiet relatati u r-relazzjoni ta’ bejn l-entitajiet iridu jkunu definiti b’mod ċar fil-liġi, inklużi dawk tal-Aġenzija Nazzjonali, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali u l-Bord tal-Adozzjoni. 

L-involviment tal-awtoritajiet wara l-adozzjoni hemm bżonn li jiġi regolat partikolarment fil-ħidma relatata ma’ rapporti wara l-adozzjoni u fir-regolazzjoni tal-aċċess mal-familja naturali meta tkun adozzjoni miftuħa. 

Servizzi speċjalizzati għandhom ikunu disponibbli sabiex jappoġġaw lill-minuri adottat biex jissetilja u jadatta fir-realtà ġdida tiegħu. Oltre minn hekk, dawn is-servizzi jkunu jistgħu jappoġġaw lill-minuri sabiex jesplora u jipproċessa kwalunkwe diffikultajiet relatati mal-identità tiegħu li joħorġu żmien wara l-adozzjoni fi stadju ieħor ta’ ħajtu. 

Servizzi ta’ appoġġ għandhom ukoll ikunu disponibbli għall-ġenituri naturali sabiex żgur jifhmu l-implikazzjonijiet tal-adozzjoni u jipproċessaw din ir-realtà. Huma wkoll ikunu jistgħu jiġu riferuti dawn is-servizzi meta l-istess ġenituri jkunu jixtiequ jerġgħu joħolqu kuntatt mal-minuri adottat żmien wara f’ħajjithom u l-istess servizzi jkunu jistgħu jippreparaw lill-istess ġenituri għal dan il-kuntatt mill-ġdid mal-minuri jew sabiex jgħinuhom jaċċettaw id-deċiżjoni li dan il-kuntatt ma jkunx possibbli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali Matthew Vella tkellem dwar l-irwol tal-Awtorità f’dan il-qasam li ħejjiet standards regolatorji, li ħejjiet strateġija nazzjonali, filwaqt li tkellem dwar kif l-użu tal-blockchain se jkun qed jgħin lill-persuni li jkunu adotatti fis-search of origin tal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom.   

Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta, Andrew Azzopardi, tkellem dwar riċerka li ħejjiet il-fakultà dwar l-adozzjonijiet lokali, li minnha jirriżulta li hemm sfidi kulturali, istituzzjonali, leġiżlattivi u finanzjarji li jistgħu jilagħbu rwol importanti. Din ir-riċerka se tkun punt ta’ referenza għall-ministeru sabiex finalment ikunu jistgħu jittieħdu d-deċiżjonjiet finali. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Alfred Grixti tkellem dwar l-importanza li tfal li jinsabu taħt ordni ta’ ħarsien, li jingħaqdu f’familji filwaqt li xorta jibqgħu jirrispettaw lill-familji bijoloġiċi tagħhom. Tkellem dwar l-importanza li stakeholders differenti jkomplu jaħdmu flimkien speċjalment f’dan il-qasam tant sensittiv. 

Il-ministeru jilqa’ reazzjonijiet u proposti minn persuni interessati, ġenituri, minuri li huma adottati, professjonisti, akkademiċi u kull min għandu xi kontribut sal-aħħar ta’ Diċembru tal-2020 fuq l-email localadoptions@gov.mt u l-pubbliku jista’ jsegwi d-dokument fuq is-sit family.gov.mt​​.

Agħfas hawn​ biex tara siltiet mill-taħdita.

pr202337a.jpg 
pr202337b.jpg 
pr202337c.jpg 
pr202337d.jpg 
pr202337e.jpg