Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u mill-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji: Il-Gvern mill-ġdid iżomm kelmtu

Reference Number: PR202320, Press Release Issue Date: Nov 19, 2020
 
Għar-raba' sena konsekuttiva l-gvern qed jonora l-wegħda elettorali tiegħu u minn din il-ġimgħa ser jibdew jitqassmu l-pagamenti li jindirizzaw anomaliji u inġustizzji tal-imgħoddi. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u mill-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna waqt konferenza tal-aħbarijiet. 
 
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li minn kemm ilhom li bdew jiġu indirizzati dawn l-inġustizzji tal-passat, sa mill-2017, ibbenefikaw 'il fuq minn 8,000 benefiċjarju.
 
Il-pagamenti ta' din is-sena se jibdew jingħataw minn din il-ġimgħa stess, hekk kif din hija miżura oħra tal-Baġit għas-sena 2021. Il-Ministru Michael Falzon qal li permezz ta' dan il-ftehim, eks membri tal-korpi tax-xogħol, eks ħaddiema tax-xatt, u membri tal-korp tal-pulizija fi tmiem din il-ġimgħa mill-ġdid qed igawdu mill-irġulija tal-gvern li għar-raba' sena konsekuttiva qed iżomm kelmtu magħhom billi jikkumpensahom għall-inġustizzji u l-anomaliji li sofrew fl-imgħoddi.
 
Huwa stqarr li l-gvern ma kienx legalment obbligat li jagħmel dan, iżda xorta waħda ħass l-obbligu morali li jagħmel ġustizzja ma' dawn il-persuni. Kien intrabat li jagħmel dan b'wegħda fil-Manifest Elettorali tal-2013, wegħda li ġiet konfermata mill-ġdid fil-manifest tal-elezzjoni tal-2017. Kif tħabbar fid-diskors tal-Baġit għall-2021, it-twettiq ta' din il-wegħda ser jissokta matul  is-sena d-dieħla.
 
Dan għaliex għal din l-amministrazzjoni wegħda, żghira jew kbira, hija rabta ta' rġulija. Anke fiż-żmien straordinarju li għaddejjin minnu, li bla mistenni kellha taħseb għal nefqa qawwija biex jiġu mgħejuna diversi setturi tal-ekonomija u ħaddiema u familji milquta.
 
Eks ħaddiema tal-Korpi u oħrajn li daħlu fis-servizz pubbliku
 
L-akbar għadd ta' benefiċjarji – ftit aktar minn 3,000, huma persuni li daħlu jaħdmu fis-servizz pubbliku wara Jannar tal-1979 u li qabel  kienu ngaġġati f'korpi tax-xogħol jew kienu msieħba fi skemi ta' apprentistat imħaddma mill-gvern. Il-ħlas lil kull min huwa eliġibbli huwa marbut maż-żmien li damu jaħdmu f'dipartimenti tal-gvern bejn il-ħatra uffiċjali tagħhom u d-data tal-irtirar.
 
Dawk li applikaw l-ewwel darba, jew saru eliġibbli għax laħqu l-età tal-irtirar qed jitħallsu kemm l-għotja ta' din is-sena kif ukoll tat-tliet snin ta' qabel.
 
(Tajjeb li nippreċiżaw li l-iskema ma tapplikax għal dawk li kienu f'wieħed mill-korpi li twaqqfu wara Jannar tal-1979. Bħalma ma tapplikax ukoll għal dawk il-persuni li qegħdin jirċievu jew li jistgħu jirċievu pensjoni tas-servizz)
 
Eks ħaddiema tal-Korpi li daħlu jaħdmu fis-settur pubbliku
 
Qed inzommu kelmtna wkoll ma' dawk l-eks membri tal-korpi li wara li spiċċaw mill-ingaġġ tagħhom daħlu jaħdmu f'entitajiet jew kumpaniji parastatali. Is-sena l-oħra tajna widen għat-talbiet tagħhom u nedejna skema b'termini u kundizzjonijiet apposta għalihom.  Magħhom inkludejna wkoll eks ħaddiema tal-Gas Board li ġew trasferiti mal-Korporazzjoni Enemalta meta din twaqqfet.
 
L-għotja ex gratia li qed jirċievu hija skont is-snin ta' servizz fl-impjieg fis-settur pubbliku minn Jannar 1979 sad-data tal-irtirar tagħhom. 
 
B'kollox din is-sena minn din l-iskema qed jibbenefikaw aktar minn 1,500 persuna jew il-werrieta tagħhom.
 
Dawn iż-żewg skemi tħaddmu mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidjetà Soċjali u l-ħlasijiet lill-kategoriji kollha ta' eks membri tal-korpi u tal-Gas Board globalment jitilgħu għal ftit aktar minn seba' miljun ewro (€7m).
 
Eks ħaddiema tax-xatt
 
Fil-każ ta-iskema tal-eks ħaddiema tax-xatt din kienet miftuħa għal dawk il-persuni li kienu liċenzjati bejn l-4 ta' April 1973 u l-1 ta' Gunju 2007.  Din tfasslet mill-gvern wara qbil milħuq bejn il-General Workers' Union u l-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali.
 
Eliġibbli għal din l-iskema din is-sena kien hemm madwar 650 eks ħaddiema tax-xatt jew l-eredi tagħhom. Il-ħlasijiet tagħhom ilaħħqu madwar żewġ miljun u seba' mitt elf ewro (€2.7m)
 
Uffiċjali tal-Pulizija
 
Ir-raba' skema kienet f'idejn il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar ta' Liġi li kienet taħseb biex tpatti għal xogħol ta' sahra mill-pulizija bejn Settembru tal-1993 u Diċembru tal-2009. Din is-sena, il-kumpens qed jirċevuħ aktar minn 2,500 benefiċjarju li f'dan iż-żmien kienu fil-grad ta' Kuntistabbli, Surġent jew Surġent Maġġur u ħadmu sigħat addizzjonali bħala sahra li qatt ma tħallsu għalihom. Madwar nofshom għadhom iservu fil-korp, filwaqt li l-kumplament huma rtirati jew mejta.
 
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna qal li, “Din il-miżura qed tiġi ppreżentata l-għada li l-Kummissjoni Ewropea approvat il-baġit li ġie ppreżentat ftit tal-ġimgħat ilu għas-sena 2021. Il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat il-mod għaqli li bih il-gvern qed imexxi u jippjana l-finanzi tiegħu iżda aktar minn hekk sostniet illi t-tbassir ekonomiku tal-gvern jaqbel ma' tagħha". Il-Ministru Scicluna spjega kif matul is-snin, il-gvern dejjem pjana baġits li jiġġeneraw biżżejjed ġid sabiex miżuri soċjali bħal din jistgħu jitwettqu.
 
ll-Ministru Scicluna qal li għal din is-sena, il-gvern alloka €13-il miljun sabiex ikompli jindirizza dawn l-anomaliji u inġustizzji li twettqu minn amministrazzjonijiet preċedenti. Il-Ministru Scicluna fakkar li l-gvern ma kellu ebda obbligu legali li jagħmel dan iżda dejjem ħass l-obligu morali sabiex jagħmel ġustizzja. In-nefqa tal-gvern fuq dan il-kumpens fuq medda ta' erba' snin telgħet għal madwar €55 miljun. Huwa spjega kif sa issa kien hemm 'il fuq minn 8,000 persuna li ngħataw dan il-kumpens però dan l-ammont ser jinżel għal 5,500 is-sena d-dieħla għaliex ħafna minn dawn il-persuni b'dan il-pagament ser ikunu ngħataw l-ammont kollu dovut lilhom.
 
Il-Ministru Scicluna spjega wkoll kif bħalissa jinsab għaddej eżerċizzju kbir mill-Bank Dinji sabiex jgħaqqad il-benefiċċji soċjali kollha li jingħataw hawn Malta, b'mod li l-gvern minn sena għal oħra jkun jista' jagħmel evalwazzjoni tagħhom. 
 
Il-Ministru Scicluna semma wkoll il-miżura li ħabbar fil-baġit li għadda, dik li mis-sena d-dieħla l-gvern se jkun qed jara kif ser jikkumpensa anke lill-eks impjegati tat-Tarzna, li minħabba x-xogħol li kienu assenjati jagħmlu sofrew mill-kundizzjoni tal-asbestosis. Il-gvern qed jistenna li meta jkollu l-fatti kollha f'idejh, jasal għal kumpens li għandu jagħti lil dawn il-persuni jew il-werrieta tagħhom.
 
Dan huwa mod ċar ta' kif il-ġid li ħoloq dan il-gvern matul l-aħħar snin qed jiġi msarraf u mqassam għand in-nies anke jekk ninsabu f'nofs pandemija.​​

Biex tara siltiet mill-konferenza stampa, agħfas hawn​.

pr202320a.jpg 
pr202320b.jpg 

pr202320d.jpg

pr202320c.jpg