Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali

Reference Number: PR202128, Press Release Issue Date: Oct 29, 2020
 
Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali qed jirċievi diversi mistoqsijiet dwar tifla li tinsab taħt ordni ta’ ħarsien li allegatament tħarrbet minn Malta minn ommha. 

Il-ministeru jixtieq jelenka l-fatti tal-każ, li huma kif ġej.

Il-minuri kienet tgħix ma’ foster family u kellha aċċess mhux sorveljat ma’ ommha għal numru ta’ sigħat is-Sibt u l-Ħadd. Dan l-aċċess kien possibbli wara deċiżjoni tal-bord ta’ reviżjoni, fejn anke l-minuri stess kienet esprimiet ix-xewqa li tqatta’ iktar ħin ma’ ommha. Dan kien parti minn pjan ta’ ri-integrazzjoni.

Nhar it-Tnejn 12 ta’ Ottubru 2020, id-Direttorat għall-Kura Alternattiva kien infurmat mill-foster family li l-omm naqset milli tirritorna lill-minuri d-dar. 

Il-ħaddiema soċjali immedjatament għamlu viżta d-dar tal-omm fejn sabu l-bieb imsakkar b’katnazz. Kien għalhekk li minnufih sar rapport lill-pulizija. 

Tard waranofsinhar fl-istess ġurnata, il-pulizija infurmat lid-Direttorat li l-omm kienet lokalizzata f’pajjiż Ewropew. 

Id-Direttorat tat-Tfal tkellem ukoll mal-uffiċċju tal-immigrazzjoni fl-ajruport ta’ Malta fejn irriżulta li t-tifla siefret b’mod illegali. Sadanittant il-pulizija tkellmet ukoll mal-Europol biex tassisti fuq il-każ. 

Id-Direttorat tat-Tfal qed iżomm komunikazzjoni kontinwa mal-pulizija u ma’ awtoritajiet oħra filwaqt li qed jagħti kull assistenza possibbli li hemm bżonn lill-foster family.