Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Rekord ta’ 35 miżura soċjali mħabbra fil-Baġit

Reference Number: PR202035, Press Release Issue Date: Oct 21, 2020
 
“Huwa fatt li l-Baġit ta’ nhar it-Tnejn li għadda kien wieħed soċjalment b’saħħtu, b’rekord ta’ 35 miżura soċjali, intiżi biex jgħinu lill-vulnerabbli, lill-familji u lill-pensjonanti. Dawn l-inċentivi kollha huma frott il-bżulija tagħna lkoll u għalhekk huwa xieraq li kulħadd igawdi minn dan il-kejk ekonomiku b’saħħtu”, qal il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ingħatat spjegazzjoni dwar żewġ miżuri ewlenin, dik tat-titjib fiċ-children’s allowance u l-pensjonijiet.  

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-gvern irid jara lill-familji jlaħħqu mal-ħajja filwaqt li jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien u għalhekk ingħatat ġurnata oħra leave għal dawk il-festi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa.

Fir-rigward tal-miżura taċ-children’s allowance, il-Ministru Falzon qal li din is-sena l-gvern se jsaħħaħ fuq dak li għamel is-sena l-oħra, meta għall-ewwel darba wara 11-il sena u f’ċirkustanzi anke 23 sena, żied ir-rati taċ-children’s allowance għall-familji bi dħul baxx u medju.

Flimkien ma’ din iż-żieda se jkun qed jingħata suppliment addizzjonali li jitħallas għal kull wild fil-familja. Fejn id-dħul tal-familja ma jaqbiżx il-ħamsa u għoxrin elf, tliet mija u tmintax-il ewro (€25,318) fis-sena, ir-rata ta’ dan is-suppliment se tkun ta’ sebgħin ewro (€70) fis-sena għal kull wild. Min-naħa l-oħra, għall-kumplament tal-familji fejn id-dħul jaqbeż dan l-ammont, is-suppliment se jkun ta’ ħamsin ewro (€50) fis-sena għal kull wild.

B’dan il-mod, familja tipika b’żewġt itfal taħt is-16-il sena, jekk id-dħul tal-familja ma jaqbiżx il-ħamsa u għoxrin elf, tliet mija u tmintax-il ewro (€25,318), se tkun qed tieħu żieda ta’ €140 fis-sena waqt li fejn id-dħul jaqbeż dan l-ammont tieħu żieda ta’ €100.

Minn din il-miżura, li se tiswa aktar minn €3 miljun, se jgawdu aktar minn 40,000 familja b’60,500 tifel u tifla. Din se tkun qed issaħħaħ il-wegħda tal-gvern sabiex l-ebda tifel u tifla ma jkunu fil-faqar. Mal-miżura taċ-children’s allowance hemm ħafna oħrajn li b’mod dirett se jkomplu jtejbu l-qagħda tal-familji. 

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-baġit hu prova oħra ta’ kemm dan il-gvern għandu f’qalbu lill-pensjonanti. Iż-żidiet konsekuttivi fil-pensjonijiet qed isiru fi żmien fejn pajjiżi oħra qed joħolqu miżuri ta’ awsterità li minnhom qed jintlaqtu l-agħar l-anzjani.

“Aħna b’differenza qed nagħmlu l-oppost u minflok erġajna tajna żieda fil-pensjonijiet. F’leġiżlatura żidna l-pensjonijiet bi €11 u qbiżna sew it-€8 fil-ġimgħa żieda li konna wegħedna fil-manifest elettorali. Niksru l-wegħdi fejn hemm bżonn sabiex intejbu l-qagħda tal-poplu Malti, f’dan il-każ, tal-anzjani”, żied il-Ministru Michael Falzon.

Kull pensjonant, barra miż-żieda tal-COLA, se tingħatalu żieda oħra ta’ tliet ewro u ħamsa u għoxrin ċenteżmu (€3.25) fil-ġimgħa li magħduda maż-żieda għall-għoli tal-ħajja titla’ għal ħames ewro (€5) fil-ġimgħa. 

Dan kollu jfisser żieda ta’ mitejn u sittin ewro (€260) fis-sena lill-pensjonanti kollha tas-sigurtà soċjali.

Il-Ministru Michael Falzon fakkar li wieħed ma jistax ma jiftakarx f’dak li konna drajna bih taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, fejn il-pensjonijiet ma żdiedux lanqas b’ċenteżmu wieħed, kienu żdiedu biss it-taxxi u l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma li kienu taw daqqa ta’ ħarta oħra lill-anzjani.​

Biex tara siltiet mill-konferenza agħfas hawn.​

pr202035a.jpg 
pr202035b.jpg