Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Titnieda l-kampanja ‘Children’s Dreams’

Reference Number: PR202029, Press Release Issue Date: Oct 19, 2020
 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti u d-Direttur għall-Kura Alternattiva Remenda Grech nedew il-kampanja Children's Dreams għal din is-sena.

L-għan ewlieni ta' din il-kampanja hu li jinqatgħu x-xewqat tat-tfal vulnerabbli li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli. B'hekk dawn it-tfal ikunu qed jirċievu r-rigal li jixtiequ fi żmien il-Milied u jtaffu xi ftit mid-diffikultà li jkunu għaddejjin minnha.

​Il-Ministru Michael Falzon ħeġġeġ biex kulħadd jagħti sehmu u b'hekk il-ħolm ta' dawn it-tfal isir realtà. Dr Falzon qal li l-Maltin huma magħrufa għall-qalb kbira li għandhom u jinsab ċert li l-ħolm ta' dawn it-tfal se jkun imwettaq fiż-żmien li ġej.

Din is-sena hemm 1,924 ħolma li qed jitressqu għall-attenzjoni tal-pubbliku. Dawn il-ħolm huma ta' tfal li l-etajiet tagħhom ivarjaw minn trabi sa 18-il sena li jew ikunu qed jgħixu mal-familji tagħhom jew ikunu residenti fid-djar tat-tfal madwar Malta u Għawdex. 

Children's Dreams hija inizjattiva li twaqqfet f'Malta fl-2012 fuq inizjattiva ta' Lina Pecorella b'kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS qal li din il-kampanja tifforma parti mill-attivitajiet annwali tal-Fondazzjoni għal żmien il-Milied u qed titmexxa mid-Direttorat għall-Kura Alternattiva.

Id-Direttur għall-Kura Alternattiva fi ħdan l-FSWS Remenda Grech qalet li din l-inizjattiva unika ferrħet diversi tfal u żgħażagħ matul iż-żminijiet. 

Ix-xewqat kollha tat-tfal jinsabu online fuq https://www.childrendreams.org/

pr202029a.jpg 
pr202029b.jpg 
pr202029c.jpg