Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u mill-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru: Jintlaħaq 85% tat-twettiq tal-Manifest Elettorali ħafna minnu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali

Reference Number: PR202004, Press Release Issue Date: Oct 15, 2020
 
Il-faqar materjali u dak sever komplew jonqsu fl-aħħar seba’ snin, u dan ġie kkonfermat mill-istatistika bbażata fuq tliet komponenti li, meta miġbura flimkien, iservu ta’ kejl siewi dwar faqar relattiv. 

Dawn id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, flimkien mal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela. Fil-fatt, illum hija l-ġurnata li tfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Eredikazzjoni tal-Faqar.

Il-Ministru Michael Falzon qal li f’kull soċjetà, għal diversi raġunijiet, se jkun hemm dik il-faxxa li jkun aktar diffiċli li tgawdi mil-ġid maħluq. Żied li dan il-gvern jemmen fil-qasam soċjali u, anke bħala Partit Laburista, li huwa msejjes fuq prinċipji ta’ ġustizzja soċjali.

Elenka li, għas-sitt sena konsekuttiva, se jkun hemm żieda fil-pensjonijiet, flimkien maż-żidiet tal-COLA. Fakkar kif f’21 sena sħaħ, taħt amministrazzjonijiet preċedenti, qatt ma kien hemm żieda fil-pensjoni. Il-Ministru Michael Falzon stqarr li diġà twettaq 85% tal-programm elettorali fejn jidħol il-qasam soċjali.

Il-Ministru Carmelo Abela, li fost affarijiet oħra huwa responsabbli mit-twettiq tal-Manifest Elettorali, semma kif is-sistema ta’ monitoraġġ li daħħal għall-ewwel darba gvern Laburista fl-2013, filwaqt li tassigura li dak li jwiegħed il-gvern iwettqu, tagħti ċ-ċans li jiġi kkwantifikat ix-xogħol li jkun twettaq fi kwalunkwe ħin. Huwa qal ukoll li l-element tal-qasam soċjali rranka sew fil-ħidma tal-programm tal-gvern. 

Il-Ministru Abela, li huwa wkoll responsabbli mill-iżvilupp sostenibbli, qal li l-ewwel mira tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Magħquda għal kull membru tagħha, huwa propju li jinqered il-faqar. 
 
“Il-COVID żgur li ser taffettwa l-isforz u r-riżultati li konna qed nikbsu globalment biex niġġieldu l-faqar. Għalhekk, anke f’pajjiżna stess, l-impenn jrid jkompli jiżdied u mhux jonqos. Għaldaqstant, aħna ser nibqgħu nistudjaw dak li jkun qed jiġri, nisimgħu u niltaqgħu mar-realtajiet kollha tas-soċjetà tagħna, għaliex dak hu tassew għalfejn qegħdin fil-politika – biex ngħinu n-nies u nagħtuhom futur aħjar,” ikkonkluda l-Ministru Abela.

Ir-riskju tal-faqar huwa bbażat fuq indikaturi dwar kemm persuni jħossu li ma jaffordjawx affarijiet bażiċi. Dawn jinkludu jekk persuni jaffordjawx jieklu laħam, tiġieġ jew ħut, vaganza barra d-dar għal ġimgħa, u li jixtru karozza, fost oħrajn.

Jekk persuna tħossa mċaħħda minn tlieta minn dawn l-indikaturi, ikun ifisser li hija mċaħħda materjalment, u jekk minn erbgħa jew iktar, tkun imċaħħda kemm materjalment, kif ukoll severament. Fi preżentazzjoni dettaljata mis-Segretarju Permanenti Mark Musu, intqal li l-istatistika turi li dawn in-numri naqsu sinifikament fl-2019 meta mqabbel mal-2013. Fejn tidħol ir-rata ta’ deprivazzjoni materjali, din naqset minn 8.7% għal 8.4% fl-aħħar sena, u minn 19.9% fl-2013. Dan ifisser li f’sitt snin dan il-fenomenu soċjali tnaqqas b’aktar min-nofs, b’aktar minn 41,500 persuna anqas f’din il-qagħda. 

Fl-aħħar sena, kien hemm żieda żgħira fir-rata ta’ dawk f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali severa. Ta’ min jinnota li, kumparat mal-2013, kien hemm tnaqqis ta’ aktar minn 24,700 persuna f’din is-sitwazzjoni. L-akbar sors ta’ titjib kien fl-ammont ta’ familji li mhumiex jaqgħu lura fil-pagamenti ta’ self jew kontijiet, f’dawk li jaffordjaw vaganza u dawk li jifilħu għal spejjeż finanzjarji mhux antiċipati.

Fejn tidħol deprivazzjoni materjali, din naqset għal nofs ta’ dak li kienet fl-2013, filwaqt li ċ-ċaħda severa naqset għal terz ta’ dak li kienet f’dik is-sena.

Agħfas hawn​ biex tara dokument dwar Tnaqqis fil-Faqar u Esklużjoni Soċjali użat waqt il-konferenza tal-aħbarijiet.

Agħfas hawn​ biex tara siltiet mill-konferenza tal-aħbarijiet.

pr202004a.jpg 
pr202004b.jpg 
pr202004c.jpg 
pr202004d.jpg