Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Persuni b’Diżabbiltà: Il-qraba se jitħallew jibqgħu jaraw lill-anzjani fid-djar residenzjali bl-introduzzjoni ta' miżuri ġodda

Reference Number: PR201514, Press Release Issue Date: Aug 07, 2020
 
Il-qraba se jitħallew jibqgħu jaraw lill-anzjani fid-djar residenzjali bl-introduzzjoni ta' miżuri ġodda. Se jiġi żgurat li kull ġimgħa jsiru attivitajiet li jferrħu u li jżommu okkupati lill-anzjani f'dawn ir-residenzi. 
 
Abbażi tad-direzzjonijiet mill-Awtorità tas-Saħħa Pubblika, il-qraba se jitħallew jibqgħu jaraw lill-anzjani fid-djar residenzjali bl-introduzzjoni ta' miżuri ġodda. Fl-ambitu ta' dan, l-Awtorità ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali se tkun qed tiżgura wkoll li kull ġimgħa jsiru attivitajiet li jferrħu u jżommu lill-anzjani okkupati f'dawn ir-residenzi.
 
Il-faċilità għall-kura fit-tul San Vinċenz De Paul
 
L-Amministrazzjoni tal-faċilità għall-kura fit-tul ta' San Vinċenz De Paul se tkun qed tintroduċi servizz ta' visti abbażi tar-regolamenti maħruġin mill-Awtorità tas-Saħħa Pubblika. Dan is-servizz se jibda minn nhar it-Tnejn 10 ta' Awwissu. Il-Ġimgħa 7 ta' Awwissu, is-Sibt 8 ta' Awwissu u l-Ħadd 9 ta' Awwissu mhux se jżiru żjarat.
 
Ir-residenza ta' San Vinċenz De Paul hija kumpless kbir u fiha jgħixu 1,100 resident li huma mqassma fi 30 sala. Għal dan il-għan, saru preparazzjonijiet loġistiċi apposta li jkomplu jħarsu s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti f'pajjiżna.
 
Ġew għalhekk stabbiliti 'visiting points'. Il-familjari se jiġu ggwidati lejn 'visiting point' partikolari abbażi tas-sala li fiha r-resident li jkunu ġew iżuru jgħix. Iż-żjarat se jsiru kif indikat hawn taħt:
 
 
  • Iż-żjarat se jsiru mit-Tnejn sal-Ħadd bejn id-9.30 u l-11 ta' filgħodu u bejn il-5 ta' waranofsinhar u s-7 ta' filgħaxija.
  • Il-viżitaturi għandhom iċemplu fuq in-numru 22912373 jew jibagħtu email fuq svpr-customercare.mfcs@gov.mt sabiex jingħataw appuntament għaż-żjara.
  • Dan għandu jsir minn jumejn qabel iż-żjara skont kif ikun skedat.  
  • Il-massimu ta' ħin għaż-żjara huwa ta' kwarta.
  • Iż-żjarat se jkunu qed isiru minn wara perspex.
  • Kull resident/a jista' jirċievi sa massimu ta' 4 persuni waqt il-ħin taż-żjara skedata għalih/a, skont il-linji gwida mid-dipartiment tas-saħħa pubblika.
  • Se jkun hemm parkeġġ wieħed allokat għal kull żjara barra d-dħul prinċipali ta' San Vinċenz de Paul.
  • Se jkun hemm post addattat fejn l-entratura biex il-viżitaturi jirreġistraw skont l-appuntament skedat. Il-viżitaturi għandom jippreżentaw il-karta tal-identità biex jinħareġ  pass biex wara li jsir l-iscreening meħtieġ, jidħlu fir-residenza.
  • Se jkun provdut shuttle service mill-entratura prinċipali għall-visiting points.
  •    Il-viżitaturi jridu jilbsu l-maskra u/jew il-visor tagħhom qabel jidħlu mill-entratura prinċipali ta' San Vinċenz. 
  •    Waqt iż-żjara dan l-ilbies protettiv m'għandu jitneħħa fl-ebda ħin. Jista' jitneħħa biss wara li l-viżitatur ikun           ħareġ minn San Vinċenz, kif rakkomandat mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. Mhux se jkun permess          dħul fil-faċilità mingħajr dan l-ilbies protettiv. 
  • Waqt iż-żjara, il-viżitaturi għandom jimxu mal-linji gwida indikati fejn kull visiting point biex tiġi assigurata s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti.
  • Wara ż-żjara lill-għeżież tagħhom, il-viżitaturi għandom joħorġu mill-faċilità bla dewmien biex jiġi evitat iffullar ta' nies ġewwa San Vinċenz de Paul.
  • Dawk il-qraba li jġibu xi mediċini lir-residenti huma mħeġġa li jġibu konsenja ta' mediċini għal madwar xahrejn. Il-mediċini ser jitħallew mas-security fid-daħla prinċipali u jintbagħtu fis-sala għar-resident/a partikolari.
  • Viżitaturi u familjari jistgħu jġibu xi oġġetti bħal ilma jew ikel li ma jkollux bżonn li jitpoġġa ġo fridge jew friża. Dan jista' jsir waqt il-ħin tal-visti. L-oġġetti jistgħu jitħallew fl-entratura prinċipali ta' San Vinċenż.
  • Importanti li kull oġġett ikun indikat ċar bl-isem tar-resident kif ukoll is-sala. M'huwiex rrakomandat li ġġibu oġġetti ta' valur. Min ma' jkollux żjara jista' xorta waħda jġib l-affarijiet f'dawn il-ħinijiet.​ 
​Biex is-sistema tkun ta' suċċess, il-kooperazzjoni mill-viżitaturi hija importanti ħafna. Għalhekk, il-viżitaturi għandhom iżommu l-ħin taż-żjara kif jingħata lilhom waqt it-telefonata. Jekk il-viżitaturi jaslu tard għaż-żjara tagħhom, dan ifisser tnaqqis mill-ħin taż-żjara tagħhom. L-ebda viżitatur mhu se jkun jista' jidħol mingħajr appuntament skedat. Kulħadd huwa mitlub li josserva l-istruzzjonijiet mogħtija lilhom waqt din il-vista sabiex b'hekk tibqa' tiġi assigurata s-saħħa tar-residenti f'din ir-residenza. 
 
Id-djar tal-anzjani tal-Gvern, tal-Knisja u dawk privati 
 
L-istess bħall-miżuri li saru għar-residenza ta' San Vinċenz De Paul, l-għan tal-miżuri għall-visti fid-djar tal-anzjani tal-Gvern, tal-Knisja u dawk privati huwa li tiġi evitata kemm jista' jkun it-trażmissjoni lokali u t-tixrid tal-infezzjoni bejn il-viżitaturi u r-residenti li jinsabu f'dawn id-djar. Dawn il-miżuri se jgħinu wkoll sabiex tiġi evitata l-konġestjoni tal-qraba u r-residenti. Bis-saħħa ta' dawn il-miżuri hemm proċedura organizzata u sistematika. Iż-żjarat f'dawn id-djar se jsiru kif indikat hawn taħt: 

  • Kull dar tal-anzjani għandha tidentifika żona sabiex isservi bħala visiting area. Din trid tkun sigura u jrid ikun hemm ħġieġ jew perspex li jisseparaw l-anzjani minn mal-qraba.
  • Iż-żjarat kollha se jiġu skedati permezz ta' appuntament. Il-viżitaturi għandhom iċemplu d-dar tal-anzjani partikolari sabiex jagħmlu appuntament.
  • Il-massimu ta' viżitaturi li jistgħu jidħlu waqt vista waħda huwa ta' 4. Kull resident se jingħata ħin ta' 15-il minuta.
  • La darba dawk il-15-il minuta jkunu għaddew, ir-resident se jitlaq mill-visiting area sabiex resident ieħor ikun jista' jiltaqa' mal-qraba tiegħu. Meta jsir dan, il-miżuri sanitarji neċessarji jridu jiġu segwiti.
  • Il-ħinijiet taż-żjarat għandhom jiġu skedati mid-djar residenzjali rispettivi u ssir komunikazzjoni mal-Awtorità ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali.
  • Il-viżitaturi kollha jridu jilbsu maskra jew visor tul il-ħin kollu taż-żjara.
  • Waqt il-ħinijiet taż-żjarat, l-impjegati tad-djar tal-anzjani jridu jżommu l-areas identifikati għaż-żjarat disponibbli.