Stqarrija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Tnedija ta’ kompetizzjoni ta’ kotba divertenti għall-edukazzjoni tal-kapaċità finanzjarja

Reference Number: PR201510, Press Release Issue Date: Aug 07, 2020
 
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici u l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon nedew kompetizzjoni ta' kitba ta' kotba divertenti għall-edukazzjoni fil-kapaċità finanzjarja immirati li jinkitbu mill-għalliema tal-primarja.
 
Preżenti għat-tnedija kien hemm rappreżentanti ta' ĠEMMA, proġett rigward il-litteriżmu finanzjarju mill-att soċjali, kif ukoll tad-Direttorat għall-Programmi tat-Tagħlim u l-Assessjar. Saret enfasi li l-prinċipji bażiċi tal-kapaċità finanzjarja fiċ-ċiklu tal-edukazzjoni formali tal-primarja jkollha impatt u benefiċċju fit-tul fit-tħejjija tal-adulti ta' għada sabiex ikunu finanzjarjament aktar kapaċi u ċittadini attivi.

 
Din il-kompetizzjoni hija immirata għal żewġ kategoriji ta' studenti: 

- Studenti li għandhom minn 5 sa' 8 snin li huma fis-Snin 1-3;

- Studenti li għandhom minn 8 sa' 11-il sena li huma fis-Snin 4-6. 

Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif, “Dan il-proġett joħloq għodda edukattiva għall-għalliema u l-istudenti biex jitgħallmu dwar aspetti finanzjarji b'mod divertenti. Il-litteriżmu finanzjarju huwa tema kross-kurrikulari fis-sillabi tagħna. Huwa parti mir-riżultati tat-tagħlim li l-istudenti kollha għandhom jgħallmu matul l-esperjenza skolastika tagħhom. Il-litteriżmu finanzjarju huwa aspett importanti tal-edukazzjoni taċ-ċittadinanza, kif ifformulat fid-dokument tal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali. Bħala gvern, aħna kommessi biex ngħinu lill-istudenti tagħna bl-aħjar mod li nistgħu u nipprovdulhom l-għodda meħtieġa sabiex ngħinuhom jiżviluppaw aktar il-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom. Għalhekk, inħeġġeġ lil dawk kollha interessati biex jieħdu sehem f'din il-kompetizzjoni li ser tkun ta' benefiċċju għal uliedna u ulied uliedna."

Il-Ministru Michael Falzon stqarr li, “Il-Kompetizzjoni ta' Kotba Divertenti għall-Edukazzjoni tal-Kapaċità Finanzjarja mnedija mill-Ministeru u ĠEMMA, flimkien mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, hija pass importanti 'l quddiem peress li hija immirata li tipprovdi lill-għalliema tal-iskejjel primarji bir-riżorsi li jippermettulhom jintroduċu lill-istudenti ħiliet importanti tal-kapaċità finanzjarja f'età daqshekk bikrija. Il-kompetizzjoni tiżgura li l-awturi emerġenti u dawk stabbiliti huma mħeġġa jużaw it-talenti u l-kreattività tagħhom biex jiktbu kotba dwar il-kapaċità finanzjarja, li filwaqt li jkunu edukattivi, ikunu wkoll divertenti, jiġbduk u jżommuk." 

Il-Ministru Michael Falzon qal li kollox huwa essenzjali li nedukaw lit-tfal minn etajiet żgħar, dan anke jekk ċertu tfal ikunu jgħixu f'sitwazzjonijiet soċjali diffiċli fejn aktarx ma tantx ikollhom għarfien edukattiv. Għalhekk, il-Ministru Falzon stqarr li għandna nkomplu naħdmu biex naqbdu u nagħtu direzzjoni u gwida lil dawn it-tfal.  

David Spiteri Gingell, il-Mexxej tat-Tim ta' ĠEMMA, fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, qal li t-tnedija ta' din il-kompetizzjoni hija waħda minn serje ta' attivitajiet li ĠEMMA ħadmet mad-Direttorat għall-Programmi tat-Tagħlim u l-Assessjar, b'enfasi essenzjali fuq l-iskejjel primarji – b'attivitajiet ippreżentati kemm fi Skola Sajf, fl-iskejjel primarji, kif ukoll attivitajiet immirati lejn studenti primarji. Dawn kienu jinkludu logħob edukattiv interattiv imsejjaħ “ĠEMMA Ftit", kompetizzjoni ta' poster, u logħba elettronika edukattiva, fost oħrajn.

Il-persuni li se jipparteċipaw f'din il-kompetizzjoni għandhom jiktbu fuq waħda jew aktar mill-ħiliet ewlenin tal-ħajja li l-Istrateġija għall-Irtirar u l-Kapaċità Finanzjarja tistabbilixxi li ċ-ċittadini Maltin għandhom jakkwistaw biex ikunu finanzjarjament kapaċi.

Dawn huma:

- l-immaniġġjar tad-dejn;

- l-ibbaġitjar;

- li tibni fond ta' flus imġemmgħa għal li jista' jinqala';

- l-ippjanar għall-futur;

- jifhmu l-investiment bażiku u li jifhmu d-drittijiet bażiċi tal-konsumatur.

Waqt li jiktbu ktieb divertenti għall-edukazzjoni dwar il-kapaċità finanzjarja, il-parteċipanti għandhom jinfilsaw fl-istorja referenzi kross-kurrikulari għal waħda jew aktar minn:

- l-inklużjoni;

- il-ħajja sana;

- id-diversità;

- it-tradizzjonijiet Maltin;

- il-Matematika.

L-awturi tal-kotba  jistgħu, iżda mhux obbligati, jissottomettu tpinġijiet li jakkumpanjaw it-test. Kwalunkwe disinji għandhom jinkorporaw il-karattru ta' ĠEMMA (in-naħla tal-għasel). Il-kotba jistgħu jinkitbu bil-Malti jew bl-Ingliż. L-ewwel post jieħu €3,000 bħala premju, it-tieni post jieħu €2,000 u t-tielet post jieħu €1,000.

Il-kompetizzjoni tagħlaq fit-30 ta' Settembru 2020.

Ir-regoli tal-kompetizzjoni jistgħu jitniżżlu minn www.gemma.gov.mt.​

pr201510a.jpg 
pr201510b.jpg