Stqarrija mil-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Aktar minn 10,000 applikazzjoni ta’ benefiċċji b’rabta mal-COVID-19

Reference Number: PR200917, Press Release Issue Date: May 14, 2020
 

Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali ħabbar is-seba' proċess ta' ħlasijiet ta' benefiċċji soċjali għal dawk il-persuni li kellhom l-impjieg tagħhom affettwat minħabba l-COVID-19. In-nefqa totali issa telgħet għal €8.8 miljun meta wieħed iżid ukoll il-ħlasijiet ta' kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali li jammontaw għal €880,000. 

Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet li qed issir kull ġimgħa mill-Ministru Michael Falzon u mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Mark Musù. 

S'issa daħlu 10,263 applikazzjoni u nħadmu 98.8% li jfisser li l-applikazzjonijiet kollha kważi nħadmu. 

Sal-lum diġà ntlaqgħu u tħallsu 7,617 applikazzjoni li l-ammont fi flus tagħhom hu ta' €7.9 miljunliema pagamenti jkopru sal-Ġimgħa 15 ta' Mejju, 2020. 

Minbarra l-5,780 persuna li llum irċevew il-benefiċċju tal-ġenituri, dak mediku jew tad-diżabilità waqt li żammew l-impjieg, hemm 501 persuna oħra li waqqfu l-benefiċċju u rritornaw għax-xogħol – dawn huma 6,281 impjieg ieħor salvat li magħduda mat-93,000 impjieg salvati bl-iskemi tal-Malta Enterprise allura b'kollox s'issa ġew salvati 99,000 impjieg. 

Kien hemm ukoll 317 persuna li l-maġġoranza tagħhom kienu qed jirċievu l-benefiċċju ta' ġenitur, u li waqfu jieħdu dan il-benefiċċju għax marru lura x-xogħol. 184 persuna li kienu qed jirreġistraw, waqfu jieħdu l-benefiċċju għax sabu xogħol. 

Jirriżulta li kull benefiċjarju mħallas sa issa bbenefika minn medja ta' €1,155. 

26.1% tal-benefiċjarji huma rġiel filwaqt li 73.9% huma nisa, riflessjoni fin-numru ta' benefiċjarji li qed jirċievu benefiċċju ta' ġenitur. 

Intant mill-bidu ta' Marzu 'l hawn, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali rċieva 62,645 email, 6,527 email daħlu bejn l-1 u t-12 ta' Mejju waqt li rċieva 15,427 telefonata fuq il-helpline 25903000. 

Daħlu 9,419 telefonata fuq il-helpline 25903030 tal-anzjani, 2,800 telefonata fuq il-helpline 1772 tal-Appoġġ u 6,400 telefonata fuq Skype fir-Residenza San Vinċenz de Paul bejn ir-residenti u l-qraba tagħhom. 

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Socjali qassmet bi kważi 20,000 kaxxa bi prodotti essenzjali lill-familji vulnerabbli fi djarhom. 

Min-naħa tagħha, Aġenzija Sapport organizzat it-tieni webinar fejn qed jingħata appoġġ professjonali online lill-ġenituri u lill-carers ta' persuni b'diżabilità. 

Il-Ministru Michael Falzon innota li hu sinjal pożittiv li kien hemm 501 persuna li rritornaw fid-dinja tax-xogħol, bil-maġġoranza tagħhom kienu ġenituri li marru lura fuq il-post tax-xogħol. ​

pr200917a.jpg

pr200917b.jpg

pr200917c.jpg