Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Aktar minn €1 miljun fi ħlasijiet, sa issa, għall-ħaddiema milquta bil-COVID-19

Reference Number: PR200634, Press Release Issue Date: Apr 08, 2020
 
Sar it-tieni proċess ta' ħlasijiet ta' benefiċċji soċjali bħala parti minn pakkett ta' miżuri immirat għall-employers u għall-ħaddiema milquta bil-Covid-19. B'kollox, sa issa, daħlu 5,994 applikazzjoni u ġew maħduma 51.7% tal-applikazzjonijiet li daħlu. Sal-lum diġà ntlaqgħu u tħallsu 2,435 applikazzjoni li l-ammont fi flus tagħhom hu ta' €1,123,011, liema pagamenti jkopru sal-Ġimgħa 10 ta' April 2020.
 
Dan ħabbru l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon flimkien mas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Mark Musù, li pprovda preżentazzjoni dettaljata waqt konferenza tal-aħbarijiet virtwali, nhar l-Erbgħa filgħodu.
 
Il-Ministru Michael Falzon spjega li l-ewwel ħlasijiet saru 6 ijiem biss wara li bdew jintlaqgħu l-ewwel applikazzjonijiet u sa 14-il ġurnata wara li l-Prim Ministru ħabbar l-ewwel pakkett ta' għajnuna. Intant, għal dawk li għadhom ma tħallsux, l-ewwel ħlas se jkun ikopri arretrati b'lura skont minn meta jkunu eleġibbli waqt li dawk li jkunu diġà tħallsu jirċievu l-pagament li jkun imisshom ta' ġimgħa.
 
Bħalissa qed jinħadmu aktar applikazzjonijiet li issa jitħallsu, flimkien ma' dawk diġà mħallsa, fil-proċess ta' bħal-lum ġimgħa.
 
Il-Ministru Michael Falzon qal li sa mill-bidu nett, il-gvern ħass il-ħtieġa li jintervjeni sabiex jissalvagwardja l-impjiegi u fuq kollox biex ikompli jagħti ħajja xierqa lill-familji tagħna anke matul din il-kriżi globali.
 
Sa issa kienu identifikati 4 benefiċċji ta' dan it-tip li jinkludu:

  1. Benefiċċju għall-Ġenitur – COPB (ġenituri li jkollhom jibqgħu d-dar biex jieħdu ħsieb lil uliedhom u li ma jistgħux jaħdmu mid-dar)
  2. Benefiċċju għall-Persuna b'Diżabilità – CODB (persuni b'diżabilità li jkollhom jibqgħu d-dar minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom u li ma jistgħux jaħdmu mid-dar)
  3. Benefiċċju Addizzjonali għal Diżimpjieg – COUB (benefiċċju addizzjonali għal min ikun tilef l-impjieg minbarra l-benefiċċju normali tal-qgħad)
  4. Miżuri ġodda biex anzjani ta' 'l fuq minn 65 sena u persuni oħra b'kundizzjonijiet mediċi meqjusa ta' riskju jibqgħu d-dar, filwaqt li ħaddiema fis-settur privat b'kundizzjonijiet mediċi meqjusa ta' riskju u li jkollhom jibqgħu d-dar minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom u ma jistgħux jaħdmu mid-dar​
 
Il-Ministru Michael Falzon irringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-FSWS, tal-Appoġġ, tas-Sapport, tad-djar residenzjali u lil kull entità li taqa' taħt dan il-ministeru. Semma li matul dan ix-xahar, madwar 20,000 persuna se jkunu qed jibbenefikaw minn 'State funded food distribution' u saħansitra hemm il-possibilità li jitqassam lil dawn il-persuni fi djarhom.
 
Il-Ministru Michael Falzon qal li ma jeskludix li ma' dawn il-benefiċċji, jingħaqdu oħrajn ġodda li jindirizzaw faxex ta' persuni li ma jibbenefikaw mill-ebda minn dawn il-miżuri. Se nibqgħu viċin in-nies, u nassistu fejn hemm bżonn anke f'dawn il-mumenti diffiċli għal kulħadd.
 
Dan hu gvern li ma jixxaħxaħx man-nies, speċjalment ma' dawk l-iktar vulnerabbli, u li se jkompli jqassam il-ġid mal-poplu Malti u Għawdxi, ikkonkluda l-Ministru Michael Falzon.​

 pr200634a.jpg

 pr200634b.jpg

 pr200634c.jpg