Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Żieda ta’ €33 miljun fin-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali fl-2019

Reference Number: PR200627, Press Release Issue Date: Apr 07, 2020
​​
 
In-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali matul l-2019 laħqet total ta’ ftit anqas minn €999 miljun, żieda ta’ kważi €33 miljun fuq is-sena ta’ qabel.

Ċifri maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li din iż-żieda kienet l-aktar dovuta għat-tkabbir fin-nefqa fuq il-pensjonijiet kontributorji tal-irtrar u tar-romol. Bejniethom dawn żdiedu bi €30 miljun biex telgħu għal aktar minn €700 miljun.  

Il-Ministru għall- Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon spjega li barra żieda ta’ 2,271 fl-għadd ta’ pensjonanti intitolati għal pensjoni taż-żewġ terzi matul l-2019, il-pensjonanti kollha gawdew minn żieda fir-rata tal-pensjoni kontributorja tagħhom flimkien maż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Iż-żieda b’kollox kienet tlaħħaq €4.50 fil-ġimgħa. Dan minbarra żidiet oħra li tħallsu wara reviżjonijiet li saru f’għadd kbir ta’ pensjonijiet.

L-għadd total ta’ pensjonanti fl-2019 kien jaqbeż it-92,000.

Fin-nefqa fuq benefiċċji mhux kontributorji reġa’ kien hemm tnaqqis fl-ispiża totali tal-assistenza soċjali u l-għajnuna supplimentari. It-tnaqqis ta’ €5.6 miljun seħħ għall-fatt li naqsu l-benefiċjarji fuq l-assistenza soċjali u l-benifiċċji għad-diżimpjieg.  

Il-Ministru Falzon stqarr li dan kien dovut għall-fatt li aktar nies daħlu fid-dinja tax-xogħol u li għalhekk inqatgħu mid-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali.

Fl-istess waqt in-nefqa fuq l-In-Work Benefit żdiedet mill-ġdid u laħqet kważi €4.5 miljun. B’kollox gawdew minn dan il-benefiċċju 5,135 familja li jfisser li l-familji tħallsu medja ta’ €862 fis-sena kull wieħed.

Il-Ministru Falzon temm jgħid li minkejja ż-żmien diffiċli li għaddejjin minnu, il-Gvern se jibqa' mpenjat li jħares dak li nkiseb fl-aħħar seba' snin biex malli tgħaddi l-burraxka preżenti nkomplu nibnu fuq il-kisbiet kbar soċjali li għamilna fl-aħħar snin.​​