Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Mil-lum jibda jitħallas iċ-child bonus

Reference Number: PR200569, Press Release Issue Date: Mar 28, 2020
 
Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali ħabbar li mil-lum, is-Sibt 28 ta' Marzu 2020, se jitħallsu l-pagamenti taċ-child bonus, hekk kif imħabbar fil-baġit għas-sena 2020.
 
Dan il-bonus ġdid se jkun ikopri t-twelid u l-adozzjonijiet li saru mill-1 ta' Jannar 'l hawn. Fl-ewwel proċess kien hemm 345 familja li rċeviet €300 għal kull wild, filwaqt li n-numru ta' trabi kien ta' 350, dan ifisser illi kien hemm 5 familji li kellhom tewmin.
 
Minn issa 'l quddiem dawn il-pagamenti ser jibdew isiru ta' kull ġimgħa għal kull wild ġdid li jkun hemm fil-gimgħa ta' qabel.
 
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li din hija wegħda oħra tal-budget mwettqa, u li dan il-Gvern qed ikompli jimplimenta miżuri soċjali tant bżonnjużi anke f'dan iż-żmien ta' sfida. “Permezz ta' din il-miżura taċ-child bonus se nkunu qed nagħtu assistenza finanzjarja fi żmien fejn l-ommijiet ikollhom spejjeż u piżijiet oħra. Dan hu Gvern b'ruħ u qalb soċjali", temm jgħid il-Ministru Michael Falzon. ​​