Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: B’effett immedjat se jkun qiegħed jadotta proċeduri ġodda u miżuri preventivi biex jgħin fil-ġlieda kontra l-Coronavirus Covid-19

Reference Number: PR200476, Press Release Issue Date: Mar 13, 2020
 

Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jixtieq javża li b’effett immedjat se jkun qiegħed jadotta proċeduri ġodda u miżuri preventivi biex jgħin fil-ġlieda kontra l-Coronavirus Covid-19. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex jekk jista’ jevita li jmur fl-uffiċċji distrettwali biex jinqeda imma minflok juża s-servizzi online permezz ta’ socialsecurity.gov.mtservizz.gov.mt jew iċempel fuq freephone 153.

Madanakollu, jekk xorta jkun hemm bżonn li persuna tinqeda mill-uffiċċji distrettwali, se tkun mitluba l-koperazzjoni tal-pubbliku biex ma jkunx hemm iffullar żejjed u għalhekk il-pubbliku jista’ jintalab biex jistenna barra sakemm ikun jista’ jinqeda.

Sakemm jinħareġ avviż ieħor, il-ħinijiet għall-pubbliku se jkunu limitati mit-8 ta’ filgħodu sas-siegħa ta’ waranofsinhar (8am sa 1pm) mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Miżura temporanja oħra se tkun li l-uffiċċji distrettwali ta’ Raħal Ġdid, il-Qawra u Birkirkara mhux se jiftħu nhar ta’ Sibt bħas-soltu.

Min se jmur biex jinqeda se jkun mistoqsi xi mistoqsijiet u mitlub jiffirma dikjarazzjoni jekk kienx imsiefer fl-aħħar 14-il ġurnata u jekk hux iħoss xi sintomi simili tal-influwenza. Min se jkun siefer u ġie lura Malta fl-14-il ġurnata ta’ qabel jew ikollu sintomi ta’ l-influwenza, se jintalab biex imur lura d-dar mingħajr ma jinqeda. Jekk jinstab li xi ħadd ikun ta dikjarazzjoni falza, se jkunu qed jittieħdu passi kontrih skont il-liġi. Huwa importanti li kulħadd jikkopera mal-uffiċjali tad-Dipartiment f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jixtieq jgħarraf ukoll li temporanjament mhux se jkunu qed isiru bordijiet mediċi marbuta ma’ ħlasijiet ta’ benefiċċji u għajnuniet. Għalhekk kull min laħaq irċieva appuntament biex jidher quddiem il-bord mediku għandu jinjorah. Sakemm mhux se jkunu qed isiru bordijiet mediċi, il-ħlasijiet tal-benefiċċji u għajnuniet relevanti se jibqa’ għaddej bla waqfien.