Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità: Is-servizz tal-flebotomija fil-komunità issa estiż fil-Fgura u Ħaż-Żabbar

Reference Number: PR200258, Press Release Issue Date: Feb 17, 2020
 
Wara li ġie introdott servizz pilota ġdid ta’ flebotomija fil-komunità fil-lokalitajiet ta’ Birkirkara u l-Mosta, issa dan is-servizz ġie estiż ukoll fil-lokalitajiet tal-Fgura u Ħaż-Żabbar. Bis-saħħa ta’ dan is-servizz, dawk l-anzjani u l-persuni b’diżabilità li għandhom xi diffikultà fil-mobilità jista’ jitteħdilhom id-demm għat-testijiet min-nies professjonisti bla ħlas fil-kumdità ta’ darhom.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis qal li dan is-servizz huwa ddedikat għal dawk l-anzjani u l-persuni b’diżabilità li jgħixu fi djarhom u minħabba xi problemi f’saħħithom ma jkunux jistgħu joħorġu minn darhom biex imorru fl-isptarijiet u fiċ-ċentri tas-saħħa għal dan is-servizz. Ħafna minn dawn il-persuni qed ikollhom iħallsu lil xi ħadd privatament għal dan is-servizz. Huwa għalhekk li qed isiru wkoll preparamenti sabiex dan is-servizz jinfirex fuq skala nazzjonali.

Għal aktar informazzjoni jew biex wieħed jibbukkja dan is-servizz,  wieħed jista’ jċempel fuq 22589393 jew inkella fuq in-numru 159.​

 pr200258a.jpg

pr200258b.jpg