Stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jħabbar bidla f’żewġ ittri li jibgħat lill-pensjonanti

Reference Number: PR200142, Press Release Issue Date: Jan 31, 2020
 
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jħabbar bidla f’żewġ ittri li jibgħat lill-pensjonanti, waħda li tindika d-dati tal-pagamenti tal-pensjoni kontributorja li jkunu tħallsu fis-sitt xhur ta’ qabel u d-dati li fihom tkun se titħallas il-pensjoni fis-sitt xhur li jkunu ġejjin, u l-oħra li turi l-ammont ta’ pensjoni mħallsa u l-ammont ta’ taxxa mnaqqsa, fejn din tkun applikabbli.

Minn din is-sena, dawn iż-żewġ ittri, li joħorġu biss għal skop ta’ informazzjoni biex jinfurmaw lill-pensjonanti skont il-każ, se jkunu amalgamati f’ittra waħda. Fl-istess waqt, bi ftehim mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni, l-ammont ta’ taxxa mnaqqsa mill-pensjoni kontributorja fejn tkun dovuta taxxa, se jkun mill-ewwel indikat fuq il-formola tat-taxxa li l-pensjonanti jirċievu mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni.

Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali spjega li b’dan il-mod, bħala parti mill-eżerċizzju kontinwu tiegħu ta’ simplifikazzjoni, ser inaqqas mill-ammont ta’ ittri li jintbagħtu lill-pensjonanti. Sa issa dawn iż-żewġ notifiki kienu jinħarġu fuq perjodu ta’ xahrejn. Bis-saħħa ta’ dan it-tibdil, pensjonant se jkollu l-ammont li jkun irċieva bħala pensjoni kontributorja, kif ukoll it-taxxa li tkun tnaqqset, indikata minn qabel fl-istess formola tat-taxxa li jirċievi mingħajr il-bżonn li din l-informazzjon toqgħod timtela mill-pensjonant stess.

Biex isseħħ din il-bidla, l-ittra amalgamata se tintbagħat fix-xahar ta’ Marzu. Dan ifisser li l-ittra li s-soltu kienet tintbagħat fi Frar bl-informazzjoni dwar il-pagamenti issa mhux se tintbagħat, biex minflok il-pensjonant se jirċievi ittra waħda f’Marzu kif spjegat.

Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jixtieq iserraħ ras il-pensjonanti li d-Dipartiment jibqa’ jipproċessa kull tip ta’ pensjoni fil-ġranet li jkunu allokati biex il-pensjoni dejjem tkun depożitata fil-kont bankarju, kif indikat mill-pensjonant, kull erba’ (4) ġimgħat mingħajr waqfien. L-istess isir fil-każ ta’ dawk li għadhom jitħallsu b’ċekk.

Għalhekk, il-pensjonanti m’għandhomx għalfejn jinkwetaw għax se jdumu xahar iżjed biex jirċievu din l-ittra għax il-pensjoni dejjem se tibqa’ toħroġ u tkun depożitata bħal dejjem. L-ittra tintbagħat biss għal skop ta’ informazzjoni dwar il-pagamenti lill-pensjonanti.

Id-Dipartiment ifakkar li f’każ li pensjonant ibiddel il-kont bankarju fejn jixtieq li l-pensjoni tidħollu, huwa importanti li jinforma lid-Dipartiment b’dan it-tibdil fi żmien raġonevoli biex il-pensjoni tibqa’ titħallas b’mod dirett fil-kont il-ġdid, mingħajr problemi.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel fuq in-numru 153.