Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjantà Attiva: Servizz ġdid ta’ psikoterapija fid-djar tal-anzjani

Reference Number: PR200036, Press Release Issue Date: Jan 10, 2020
 
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis ħabbar servizz ġdid ta’ psikoterapija għar-residenti kollha li jgħixu fid-djar residenzjali, jiġifieri għat-3,000 anzjan li jgħixu fid-djar tal-gvern u dawk fejn is-sodod huma mixtrija mill-gvern mingħand il-privat. 

Anthony Agius Decelis qal li s-servizz se jkun qed jingħata mill-psikoterapista professjonali Theresa Micallef. Is-servizz ġdid se jingħata wara li ġie nnutat li uħud mill-anzjani jgħaddu minn diversi sfidi speċjalment wara li jmutilhom xi ħadd għażiż għalihom jew meta għad għandhom bżonn l-għajnuna u biex jaġġustaw ħajjithom imorru jgħixu ġo dar residenzjali, ikollhom xi kundizzjoni ġdida fiżika jew ikunu qed isofru minn solitudni.

Is-servizz ġdid se jiżdied ma’ kullana ta’ inizjattivi li ġew varati kemm għall-anzjani fid-djar residenzjali u anke għal dawk fil-komunità wara li fl-aħħar baġit dan il-gvern qed jinvesti għall-anzjani €171 miljun. Is-segretarju parlamentari qal li grazzi għall-ħidma bieżla tal-gvern, fil-jiem li ġejjin se jkomplu jitħabbru iktar servizzi għall-anzjani kemm għal dawk fil-komunità u dawk li jgħixu fid-djar residenzjali. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Dr Renzo De Gabriele qal li s-servizz ta’ psikoterapija se jimla vojt importanti fis-servizzi li l-anzjani jeħtieġu għas-saħħa mentali tagħhom.  Residenti li jkunu għaddejjin minn perjodu ta’ dwejjaq wara li jmut xi qarib tagħhom jew li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet ta’ ambjentazzjoni wara li jkunu daħlu f’dar residenzjali, ilkoll huma sitwazzjonijiet fejn dan is-servizz se jgħin biex dawn id-diffikultajiet jiġu megħluba. Dr De Gabriele spjega li d-dipartiment jara li l-anzjani jingħataw kura b’mod ħolistiku. Żied li l-kura fid-djar residenzjali dejjem qed tiżdied biex l-anzjani jkollhom servizzi tal-ogħla kwalità.

Il-psikoterapista Theresa Micallef qalet li s-servizzi li se tagħti lill-anzjani se jkunu qed jindirizzaw diversi sfidi, fosthom il-kura emozzjonali bħal meta l-anzjan ibiddel l-ambjent tiegħu minn dak tad-dar għal ta’ residenza, l-istress li jħossu, kriżijiet personali u kura personali kemm fuq livell   emozzjonali kif ukoll psikoloġiku. Is-Sinjura Micallef spjegat li s-servizzi tagħha se jgħinu lill-anzjani jadattaw b’mod aktar pożittiv għas-sitwazzjoni preżenti tagħhom, xi kultant f’sitwazzjoni li ma kellhom ebda kontroll dwarha. Temmen li s-servizz offrut lill-anzjani se jgħin biex titjieb ħajjithom.
 
 pr200036a.jpg
 
pr200036b.jpg

pr200036c.jpg

pr200036d.jpg