Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva: F’Mejju li ġej se titlesta l-estensjoni f’San Vinċenz de Paul b’żieda ta’ 500 sodda u 600 professjonist

Reference Number: PR200021, Press Release Issue Date: Jan 08, 2020
 
Waqt it-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-proġett ta’ estensjoni f’San Vinċenz de Paul, is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis ħabbar li l-proġett ta’ estensjoni f’San Vinċenz de Paul, b’binja ta’ erba’ blokok ġodda u 500 sodda, se jkun lest f’Mejju li ġej, proġett li ra l-bidu tiegħu seba’ xhur ilu biss. Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis qal li din hija l-ewwel darba li qed isir proġett tant massiv f’San Vinċenz, b’investiment ta' €30,000,000 f'xogħol kapitali, u €274,000,000 aktar fuq medda ta’ 10 snin, biex jiġu akkomodati 500 anzjan b’dipendenza għolja.

Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis qal li b’dan il-proġett massiv fil-villaġġ tal-ġerontoloġija, se tiġi indirizzata l-lista ta’ stennija ta’ dawk l-anzjani li għandhom livell ta’ dipendenza għolja, kif ukoll biex isir proċess ta’ rilokazzjoni ta’ dawk l-anzjani li jgħixu fid-djar residenzjali u li għandhom bżonn kura aktar intensiva, li se tkun provduta f’dan iċ-ċentru tal-ġerjatrija.

Spjega li dan huwa proġett ieħor f’kullana ta’ proġetti ta’ dan il-gvern, li qed iħejju lil Malta għall-futur, hekk kif din l-estensjoni tingħaqad f’sensiela ta’ inizjattivi bi pjan għal dawk l-anzjani li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità minkejja l-isforzi kollha li jsiru. Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis qal li din l-estensjoni ser tkun qed tagħti l-istess servizzi professjonali u kliniċi ta’ kwalità li tipprovdi din l-entità, u dan biex tkompli titjieb l-kwalità tal-ħajja tal-individwi, filwaqt li tiġi mħarsa d-dinjità u kura aħjar. Spjega kif din il-binja se tkun qed toffri spazju akbar lir-residenti, hekk kif 72% tal-kmamar se jkunu fi swali ġenerali, filwaqt li 28% tal-kmamar se jkunu mgħammra biex jilqgħu persuni li għandhom id-dimenzja.

Is-Segretarju Parlamentari qal li l-blokok ġodda qed jinbnew fuq żona ta’ 33,500 metru kwardu. Dan se jinkludi spazji miftuħa għas-soċjalizzazzjoni u attivitajiet għall-anzjani, kif ukoll dawk iddedikati għat-taħriġ tal-ħaddiema, multi-purpose room, sala tal-fiżjoterapija, u kappella. Fost il-faċilitajiet li se jinkludi dan il-proġett, insibu pixxina terapewtika, gymnasium, hairdressing salon, laundry room, u parkeġġ.

Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis qal li dan huwa proġett ieħor massiv minn dan il-gvern biex jiġu akkomodati iktar anzjani li ma jistgħux jibqgħu jgħixu fil-komunità, imma fl-istess waqt li jiġu indukrati dawk li għandhom bżonn il-kura, filwaqt li jissaħħu wkoll is-servizzi fil-komunità, biex kemm jista’ jkun l-anzjani tagħna jinżammu b’saħħithom u iktar attivi.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz Dr Josianne Cutajar qalet li l-estensjoni li qed issir hija l-akbar tkabbir li qatt sar minn mindu nbena il-kumpless ta’ San Vinċenz 126 sena ilu, meta beda b’madwar elf sodda. Spjegat li biż-żieda ta’ 500 sodda, se tfisser żieda ta’ 45% tal-capacity u 45% tkabbir fl-operat. Minħabba ż-żieda fl-operat, Dr Cutajar spjegat li qed issir ħidma intensiva biex kif tiftaħ l-estensjoni f’Mejju li ġej, il-ħaddiema jkunu ngaġġati u mħarrġa bil-lest għall-kura li se tingħata lil 500 anzjan.

Dr Cutajar qalet li bħalissa għaddeja ħidma kbira fuq l-ingaġġ ta’ professjonisti u ħaddiema, minn speċjalisti u konsulenti fil-ġerjatrija għal paramediċi, għall-infermiera u carers. B’kollox, se jkun hemm madwar 600 ħaddiem, fosthom 120 infermier u 250 carer, flimkien ma’ konsulenti, tobba u paramediċi.

Dr Cutajar qalet li għaddej ukoll proċess biex jinxtara l-apparat kollu meħtieġ f’dan il-qasam, apparat li se jkun ta’ l-ogħla livelli bl-aħħar teknoloġija.​
​ 
  pr200021a.jpg 
 
  pr200021b.jpg 
 
 pr200021c.jpg
 
 pr200021d.jpg

 pr200021e.jpg